Beda l-Kapitlu Provinċjali

It-Tnejn 9 ta’ Settembru ingħata bidu għall-Kapitlu Provinċjali tal-Patrijiet Minuri Konventwali Maltin. Fit-8.30 ta’ filgħodu il-patrijiet ikkonċelebraw f’quddiesa preseduta minn Monsinjur Charles J. Scicluna. L-Arċisqof ikkumenta s-silta evanġelika ta’ meta Ġesù fejjaq ir-raġel li kellu idu niexfa. Huwa kkumenta li ħafna drabi aħna wkoll jista’ jiġrilna li idejna tinxef, u allura ma nkunux iktar disponibbli, ubbidjenti u jiġrilna li nieqfu nikkomunikaw kif jixtieqna Alla. Il-fejqan jinsab f’Ġesù li hu kapaċi jfejjaq l-idejn niexfa tagħna.

Miġbura fis-Sala taċ-Ċak, wara t-talba tal-bidu u t-tislima tal-Provinċjal – Patri Ġorġ Zammit, kien imiss lil Patri Elija Vella OFM Conv sabiex idawwal lill-assemblea dwar id-Dixxerniment għall-għarfien tar-rieda ta’ Alla f’ħajjitna. P. Elija enfasizza li mhux kull ma hu tajjeb huwa ġej minn Alla u għalhekk irridu niddixernu dwar dak li Alla jrid minna għax jista’ jiġri li nagħżlu affarijiet li jistgħu jkunu tajbin imma ma jkunux ġejjin minn Alla. Biex isir dixxerniment sew, id-dixxiplu jrid jkun jaf sew lil Ġesù biex b’hekk isir jaħsibha bħalu u fuq kollox iħobb bħalu. Barra minn hekk irridu nkunu nies ‘mimlija bl-Ispirtu s-Santu’ kif kienu l-Appostli u d-dixxipli fl-Atti tal-Appostli. Huwa importanti li nitgħallmu niċċaħdu wkoll mill-proġetti tagħna, biex nagħtu spazju għall-proġetti ta’ Alla.

Patri Elija għalaq l-intervent tiegħu bi kliem mimli għerf: “Irridu nevitaw il-periklu li naħdmu għal Alla, imma mhux ma’ Alla”.

Il-Ġeneral tal-Ordni P. Carlos Trovarelli OFM Conv sellem lill-assemblea u fakkar x’inhuma l-għanijiet tal-Kapitlu; li nivverifikaw il-mod tal-għixien tagħna, li nieħdu ħsieb il-ħajja fraterna tagħna u li naġġornaw il-kariżma tagħna u nagħmluha dejjem iktar attwali għal żminijiet tallum.

Il-patrijiet imbgħad għaddew biex jibdew reviżjoni tal-ħajja u l-ħidma matul dawn l-aħħar 4 snin fil-provinċja, fil-knisja u fis-soċjeta’ tagħna.

P. Joaquin Agesta OFM Conv, li kien l-Assistent Ġenerali f'dawn l-aħħar erba' snin, fakkar lill-Provinċja fl-impenn li ninbnew mhux biss fuq dak li nagħmlu imma fuq dak li aħna; li niskopru metodi ġodda ta' Evanġelizazzjoni f'soċjetà Maltija li dejjem tinbidel; fl-impenn li għandu jkollna fl-animazzjoni taż-zgħażagħ bi stil Franġiskan; fl-impenn li nkunu iktar fraternità li tagħti spazju għall-lajċi u li niżviluppaw pastorali iktar missjunarja u inqas ikkonċentrata fuqha nfisha. 

Il-Ministru Provinċjali ta ħarsa dettaljata fuq il-ħidma li saret f'dawn l-aħħar 4 snin kemm fuq livell provinċjali kif ukoll fuq livell ta' Komunità. Il-Provinċjal ta wkoll proposti għall-futur, irringrazzja lill-patrijiet u l-lajċi tal-ħidma li saret u fakkar il-patrijiet li wara li taw ħajjithom għas-servizz tal-Ordni u tal-Provinċja u issa ħallewna - P. Alfons Sammut, P. Eġidju Mizzi u P. Samwel Chetchuti. 

P. Alfred Calleja OFM Conv għarraf lill-Assemblea dwar il-ħajja u l-ħidma tal-Ordni Franġiskan Sekular (OFS). 

P. Joseph Formosa u P. Andrew Galea infurmaw lill-assemblea kapitulari dwar il-ħidma vokazzjonali u formattiva fi ħdan il-provinċja tagħna. 

Temmejna l-ħidmiet ta' dan l-ewwel jum bit-talb tal-Għasar. 

 

 

Beda l-Kapitlu Provinċjali

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com