It-tielet Jum tal-Kapitlu

It-tielet jum tal-Kapitlu Provinċjali beda b’quddiesa preseduta mill-Ġeneral tal-Ordni Patri Carlos Trovarelli. Padre Carlos, ikkumenta l-Vanġelu tal-Beatitudnijiet u qal li l-foqra huma ħenjin għax f’idejhom għandhom is-Saltna ta’ Alla. Il-Ġeneral saħaq li biex aħna jkollna aċċess għas-Saltna ta' Alla irridu nkunu viċin il-foqra u dawk li qed isofru; irridu nkunu familjari magħhom.

Il-Ġeneral tkellem ukoll fuq il-kwalitajiet li jrid ikollu l-provinċjal il-ġdid; fosthom l’umiltà, l-ispirtu ta' servizz u l-imħabba lejn dak li hu Franġiskan.

Fuq l-istess tema tkellem ukoll P. Elija Vella fl-ewwel sessjoni ta’ dalgħodu. Patri Elija kkumenta silta mill-ewwel Ittra ta' San Pietru (1 Pt 5, 2‑4). Xi kwalitajiet li saħaq fuqhom P. Elija fost l-oħrajn kienu l-koerenza u l’umiltà. Huwa kompla jgħid li l-Provinċjal irid jkun kapaċi jservi u jisma'. Dak li huwa msejjaħ biex imexxi jrid ikun mimli bl-Ispirtu s-Santu, u miftuħ għas-sorpriżi ta’ Alla. Tajjeb li jkollna l-proġetti imma rridu nħallu spazju għal dak li jipproponi Alla.

Patri Elija qal li huwa importanti li l-provinċjal ma jieħux deċiżjonijiet f’rabja jew f’ansjetà. Ovvjament il-provinċjal, bħal kull bniedem, ikollu sentimenti bħal dawn imma m’għandhomx imexxuh dawn is-sentimenti.

Semma wkoll li min imexxi jrid ikun bniedem ta’ talb għax inkella kull ma jagħmel ikun biss fuq il-lat uman.

Fl-aħħar Patri Elija ġab tixbiha inużwali imma li faċilment tinfthiem. Huwa qal li l-provinċjal l-ġdid irid ikollu l-kapaċità tal-midwife. Il-Provinċjal irid ikun kapaċi jgħin lill-patrijiet jwelldu l-kariżmi tagħhom u jara li jħallu l-frott. Hawn provinċjali sfortunatament li jaħsbu li għandhom il-kariżmi kollha. Irid ikollu l-kariżma tas-sintesi u mhux ikun sintesi tal-kariżmi. Irid iġib il-kariżmi kollha flimkien u jagħmel li jiffunzjonaw fi proġett komuni.

Semma wkoll li jrid ikun iħobb lil San Franġisk u l-Provinċja. Fakkar li aħna l-Franġiskani ma jsejħux lil dawk li jmexxuna ‘superjuri’ imma ministri, jiġifieri qaddejja.

Huwa kkummenta li provinċjal b’dawn il-kwalitajiet kollha mhux ser insibuh imkien, imma tajjeb li nibqgħu inħarsu lejn dak li hu ideal biex ninġibdu lejh.

Wara l-osservazzjonijiet ta' Patri Elija nqassmu fi tlett gruppi biex jaffrontaw temi importanti tal-ħajja u tal-ħidma fil-provinċja. Wara dan il-patrijiet reġgħu inġabru fis-sala biex jaqsmu bejniethom dak li ntqal fil-gruppi.

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com