Għal min iħobb jiekol jew isajjar...

San Franġisk u l-ikel

Żgur li San Franġisk ma kienx xi bniedem li jiggoffa fl-ikel. Kultant nimmaġina li kien iktar awster minn Ġesu’ nniffsu! Il-Leġġenda ta’ Tre Compagni ssejjaħlu: “Raġel awster li qatt ma kien ipaxxi lil-ġismu. Għal din ir-raġuni meta kien qrib il-mewt stqarr li kien dineb ħafna kontra fratello corpo”.

Fir-Regola li kiteb għall-patrijiet jirrakomanda:

L-aħwa kollha għandhom isumu mill-festa tal-Qaddisin Kollha sat-twelid tal-Mulej. Ħalli dawk kollha li minn rajhom isumu dan ir-Randan mqaddes li jibda mill-Epifanija u jkomplu għal erbgħin jum, li l-Mulej qaddes bis-sawm imqaddes tiegħu (Mt 4:2), ikunu mberkin mill-Mulej u dawk li ma jridux ma għandhomx jiġu mġegħlin. Iżda, għandhom isumu tul ir-Randan l-ieħor li jtul sa l-Għid il-Kbir. Fiż-żminijiet oħra madanakollu mhumiex marbutin isumu ħlief nhar ta' Gimgħa. Iżda meta jkun hemm il-ħtieġa l-aħwa mhumiex marbutin għas-sawm tal-ġisem.

Iktar ‘l qudiem jikteb: F'kull dar li jidħlu, igħidu: Sliem lil din id-dar (Lq 10:5). U skond il-Vangelu Mqaddes, jistgħu jieklu minn dak l-ikel kollu li jgegħedulhom quddiemhom (Lq 10:8).

Hawn jistgħu jieklu minn dak li jpoġġulom quddiemhom għandha diversi interpretazzjonijiet:

Żġur li Franġisku ma riedx li tort tal-ikel tiġi mtellfa l-missjoni. Jieklu minn dak li jpoġġulhom quddiemhom ifisser li jieklu mingħajr ma joqgħodu jagħżlu ikel minn ieħor. Il-Monaċi li kienu stabbli f’post wieħed, għalkemm huma wkoll dediti għas-sawm imma almenu setgħu jagħżlu x’ikel jieklu. L-itineranti (dawk li jimxu minn post għall-ieħor) m’għandhomx għażla.

Li tiekol dak li jpoġġulek quddiemek huwa wkoll forma ta’ rispett lejn min laqgħak għandu. Jekk mal-fqir tiekol li jpoġġilek il-fqir, jekk mas-sinjur tiekol dak li jpoġġilek is-sinjur.

Hija wkoll forma ta’ liberta’ minn ċertu tip ta’ legaliżmu. Jekk qed għand in-nies kull magħhom, mingħajr il-ħtieġa li tosserva ċerti normi tiegħek jew tal-fraternita’. Huma r-ritmi tal-missjoni li jiddeterminaw is-sawm u mhux bil-kuntrarju. Kull darba li l-liġi tieħu post il-missjoni jew tiddeterminha, x’imkien hemm problema.

L-ikel mal-aħwa u oħrajn – Kapaċita’ ta’ Festa

Jekk San Franġisk jaf tajjeb x’iġifieri sawm, jaf ukoll x’iġifieri l-ikel. Jaf li taqsam l-ikel mal-aħwa huwa mod kif tkun viċin tagħhom, huwa mod kif tieħu ħsieb l-aħwa, jaf ukoll jesaġera fil-festi, kif jaf jagħmel fil-Milied. Tumas ta’ Ċelano li kiteb il-bijografija ta’ San Franġisk jirrakkonta storja ħelwa:

Darba fost l-oħrajn il-patrijiet kienu qed jiddiskutu bejniethom kienx leċitu jieklu laħam fil-Milied, ġa la darba il-Milied kien ser jaħbat il-Ġimgħa. Franġisk jirrispondi lil wieħed Patri: “Int qed tidneb ħija, li ssejjaħ il-ġimgħa, il-jum li fih twieled il-Bambin. Irrid li f’jum bħall-dan anke il-ħitan jieklu l-laħam, u jekk dan mhux possibli l-laħam jiġi midluk mal-ħitan”.

L-istess Ċelano jirrakonta il-ġrajja ta’ meta patri entużjast ħafna  jiddeċiedi li jagħmel ħafna sawm imma billejl iqum jgħajjat li ser imut bil-ġuħ. Franġisk iqajjem lil kulħadd biex jiekol miegħu ħalli ma jistħix jikser is-sawma.

Attent għall-gosti tal-aħwa. 

Jgħidilna l-istess Ċelano:

“Darba waħda sar jaf li kien hemm patri marid li kellu aptit jiekol ftit għeneb. Allura mar miegħu fl-għalqa tad-dwieli, u bilqiegħda taħt dielja, biex jagħmillu kuraġġ, beda jiekol hu l-ewwel wieħed l-għeneb”.

L-ikel bħala frott il-ħidma.

Ma kienx ħanin pero’ ma min ried jiekol mingħajr ma jaħdem. Jinħaraq għall-imġieba ta’ Frate Mosca li jrid jiekol minn fuq dar il-ħidma tal-patrijiet. Jgħidlu: “Int tħalli lin-naħal jaħdmu, ma tagħmel xejn u trid tkun l-ewwel wieħed li tiekol mill-għasel”. Jispiċċa jkeċċieħ.

Forsi l-isbaħ kelmiet dwar San Franġisk u r-relazzjoni mal-ikel insibuhom fil-kliem ta’ San Bonaventura.

“Awster miegħu inniffsu, uman mal-proxxmu, f’kollox suġġett għall-Vanġelu, kien dejjem ta’ eżempju mhux biss fl-astinenza imma wkoll fl-ikel”.

L-Ikel – mergha’ ta' umanita’ u ħbiberija.

Ir-relazzjoni mal-ikel, u allura mal-umanita’ tiegħu tidher f’San Franġisk fl-aqwa tagħha fl-ittra li jibgħat lil Donna Jacoba:

Lis-Sinjura Jacoba, qaddejja ta’ l-Aktar Għoli, Fra Franġisk, il-fqajjar ta’ Ġesù Kristu, jixtieq saħħa fil-Mulej u għaqda fl-Ispirtu s-Santu. L-aktar għażiża, kun af, li l-Mulej Alla bi grazzja tiegħu għarrafni li t-tmiem ta' ħajti huwa fil-qrib. Għaldaqstant, jekk trid issibni għadni ħaj, kif tieħu din l-ittra, ejja bla telf ta' żmien lejn Santa Marija ta’ l-Anġli, jekk tigi wara s-Sibt tista’ ma ssibnix ħaj.  Jekk jogħġbok, ġibli miegħek drapp lewn l-irmied biex fih jitkeffen il-ġisem tiegħi u ġib ukoll ix-xemgħat ghad-dfin.  Nitolbok iġġibli miegħek ukoll minn dak il-ħelu li int kont soltu tagħtini meta kont marid f’Ruma.

Anke hawn jidhru fi Franġisku, f’relazzjoni mal-Ikel sentimenti ta’ ħbiberija u simpatija.

L-Ikel – Kondiviżjoni universali.

Għall-San Franġisk, li taqsam l-ikel mal-aħwa ma kienetx xi ħaġa li jagħmel biss ma’ ħutu il-patrijiet imma wkoll mal-ħallelin. Il-fjuretti jirrakontawlna l-episodju tat-tlett ħallelin ta’ Monte Casale, li kkonverta San Franġisk wara li bagħat jagħtihom il-ħobż u l-imbid. Meta Franġisk jikkoreġi lil Fra Agnolo li ma kiex laqagħhom jgħidlu li Ġesu’ kien spiss jagħmilha mal-midmbin u magħhom jiekol!

L-Ikel – Okkażżjoni ta’ tifħir.

L-ikel, anke jekk mhux dejjem nirrealizzaw għax drajna wisq ngħidu t-talb qabel l-ikel, huwa mod mill-iktar eċċellenti kif kien jgħolli lil San Franġisk lejn il-Ħallieq. L-ikel huwa essenzjalment marbut ma’ Alla l-imbierek. Nista’ nippretendi li niekol bi dritt, u nista’ nfaħħar lil Alla tal-ikel li għoġbu jagħtini. Franġisku jfaħħar lil Alla ta’ oħtna l-art.

Tkun imfaħħar, Mulejja, f’oħtna u ommna l-art, li tgħajjixna u tmexxina,u tagħti kull xorta ta’ frott ma’ ward u ħxejjex imlewna.

J’Alla kull meta npoġġu mal-mejda inħaddnu xi wieħed minn dawn l-atteġġjamenti ta’ San Franġisk!

Buon appetito!!!

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com