Il-Ferħ Franġiskan

Meta wieħed jara it-televixin, jew jaqra il-gazzetti jistà jieħu l-impressjoni li id-dinja hi magħmula biss minn gwerer, qtil, adulteri, nies li moħħom biss fil-but u fl-apparenza, u jinsa li jeżisti mod ieħor tà għixien. Min jikkonċentra biss fuq dawn l-affarijiet faċli jitlef it-tama, u jikkonvinċi lilu innifsu li kollox dlam u mewt.

San Franġisk u l-ispiritwalità franġiskana juruna li hu possibli mod ieħor tà għixien. Għixien mimli tama u ferħ, anke fi tbatija. Il-Papa tà żmien San Franġisk, Innocenzu III fettillu jikteb ktieb interessanti ħafna jismu De Contemptu Mundi. F’dan il-ktieb il-Papa jispjega x’disgrazzja kbira hi l-ħolqien tal-bniedem. Fi ftit kliem jpinġi il-ħajja bħala traġedja, għax il-bniedem hu maħluq għat tbatija, għal-mewt, u kull ma hu kapaċi jagħmel hu id-dnub. F’mument minnhom jasal jgħid: “Il-bniedem hu maħluq għall-piena, twerwir u tbatija, u dak li hu l-iktar miżerabli hu il-fatt li hu maħluq biex imut”. Frangisku t’Assisi jgħid propju bil-maqlub tà dak li jgħid il-Papa tà żmienu. Mhux biss il-bniedem mhux maħluq għad-dnub u l-mewt, imma maħluq biex ifaħħar lil Alla għal dak kollu li hu sabiħ. Dan jagħmlu b’mod specjali fl-Għanja tal-ħlejjaq. Ghal Frangisku il-holqien kien spettaklu sħiħ; isimgħu xi versi minn tiegħu

L-Aktar Għoli, Mulej twajjeb, li tista’ kollox tiegħek is-sebħ, il-glorja u l-gieħ u kull barka. Lilek biss, l-Aktar gholi, jixirqu u l-ebda bniedem mhu denn imqar ilissen. Tifħir lilek, Mulejja, għall-ħlejjaq kollha, l-aktar oħtna x-xemx,  li twelled il-jum u biha taghti d-dawl u hija sbejħa u tgħammex b’dija sfiqa! Tixbah lilek, l-Aktar Għoli. Tkun imfaħħar, Mulejja, f’ħuna l-qamar u l-kwiekeb, li fis-sema sawwarthom ileqqu, għonja u sbieħ. Tkun imfaħħar, Mulejja, f’ħuna r-riħ, u fl-ajru msaħħab, fil-bnazzi u f’kull xorta ta’ temp, li bihom int tgħajjex kull maħluq.

Il-Ferħ tà Franġisku mhux biss riżultat tal-ammirazzjoni tal-Ħolqien imma tal-fatt li jiskopri li għandu Missier fis-sema. Jiskopri li ghandu Missier li jhobbu. Tiftakru intom: “Issa ma nseħħajx iktar lil Pietru tà Bernardone bħala Missieri imma ngħid Missierna li inti fi smewwiet”. Lil Alla jsejjaħlu wkoll “Int hena u Ferħ”.

Il-ferħ tà Franġisku jigi wkoll mill-fatt li kellu qalbu ħielsa. U għalhekk jagħżel li jħaddan il-faqar, għax kien jaf, hu li kien kummerċant tad-drapp li meta tintrabat mà xi ħaga normalment issir skjav tagħha. U għalkekk ried li qalbu tkun ħielsa ghal kollox!

Franġisku kien jemmen ukoll li l-ferħ hu l-iktar mod effikaċi kif tirbaħ lix-xitan; infatti jgħid: “Jekk il-ferħ tà l-ispirtu jimla il-qalb, għalxejn jipprova is-serp jitfà il-velenu tiegħu tal-mewt. Ix-xjaten ma jistawx jagħmlu ħsara, lil qaddej tà Kristu, meta jarawh mimli ferħ qaddis”.

Irridu ngħidu ukoll li il-ferħ Frangiskan mhux ir-riżultat tà ħarba mit-tbatija jew mil-problemi li l-ħajja kultant b’kefrija toffri. San Franġisk b’ħajtu wera li wieħed jistà jkun ferħan, anke fit-tiġrib. Meta jipprova jispjega lil Fra Leone x’inhu il-ferħ perfett (la perfetta Letizia) jgħidlu li dan jikkonsisti fli wieħed iġarrab kull tiġrib mingħajr ma jiddejjaq f’qalbu.

Ir-rabta qawwija bejn il-ferħ u l-ispiritwalità frangiskana giet ukoll kkonfermata minn Papa Pawlu Vi fl-ezortazzjoni appostolika Gaudete in Domino, meta jpoggi bħala eżempju tà ferħ ġenwin lil San Franġisk u lil  San Massimiljanu Kolbe. Jgħid il-Papa li Frangisku t’Assisi saħansitra laqgħa lill-mewt bil-kant u rigward San Massimiljan Kolbe jgħid: “Kif ma niftakrux , xbieha tiddi għal ġenerazzjoni tagħna, fl-eżempju tal- (Beatu) Massimiljanu Kolbe, dixxiplu ġenwin tà San Franġisk?  Waqt it-tiġrib l-iktar traġiku, li demma l-epoka tagħna, hu ta lilu innifsu għall-mewt, biex isalva lil xi ħadd li lanqas biss kien jafu”. Il-Papa jkompli jgħid li dak il-post tà terrur irnexxielu jimbidel permezz tas-serenità u l-ferħ tà San Massimiljan. Waħda mill-aħħar talbiet miktuba minnu turi propju dan: “Noffri lili innifsi lilek, o Marija, sabiex niltaqa mal-mewt propju f’dan il-kamp, qalb nies ostili u indifferent”.

Nistgħu ngħidu li il-vokazzjoni franġiskana hija vokazzjoni għal ferħ għax fuq kollox ispirata minn dak li f’ħajtu ġarrab kull xorta tà tbatija, però żgur li kien l-iktar bniedem ferħan li d-dinja qatt kellha ix-xorti li tara, Ġesù Kristu. Kien hu li qalilna x’inhu il-ferħ veru meta sejjaħ ħienja lil foqra, l-imnikktin, lil dawk tà qalbhom ħelwa, lil dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx għas-sewwa, lil dawk li huma safja f’qalbhom, lil dawk li jħennu, lil dawk li jġibu il-paċi u l-ippersegwitati minħabba f’ismu. 

Il-ferħ hu ukoll possibli jekk nispiraw ruħna mill-ħajja tà nies, li ġarrbu t-tbatija bi tbissima fuq fommhom. Dawn in-nies mhux ‘il bogħod minnha daqs kemm naħsbu, kapaċi jkunu l-istess ġirien tagħna.

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com