San Ġorġ Preca u San Franġisk

 

San Ġorg Preca kellu mħabba speċjali lejn il-qaddisin li kien iħares lejhom bħala veri ħbieb ta’ Alla. Kien iħobb jirrakomanda l-qari tal-ħajja tagħhom għax minnhom wieħed jikseb ġid spiritwali kbir. Ħalla miktub: “Aqraw ħajjiet il-qaddisin, u f’qasir żmien jitnissel fikom l-ispirtu ta’ Kristu. Dal-qari jqawwikom fil-fidi, iħeġġiġkom għat-taħriġ tal-virtù u jqanqalkom biex f’kollox tirrikorru lejhom, tant huma setgħana quddiem Alla.” (Is-Sinagoga l-Ġdida, n. 9).

 

Lejn xi wħud minnhom wera wkoll imħabba speċjali, u ried li l-ħajja tagħhom tkun magħrufa sewwa mill-membri tal-għaqda tiegħu għall-imitazzjoni. Fost dawn hemm San Franġisk ta’ Assisi, li mhux biss daħħlu fil-Litanija tal-Qaddisin fil-ktieb ta’ l-Arloġġ Museumin, imma wkoll għażlu bħala l-Qaddis Protettur tal-virtù tal-Faqar.

 

Kien hemm żmien fl-ewwel snin tas-soċjetà MUSEUM meta s-Superjuri tħajru jibnu dar imdaqqsa fejn setgħu jiltaqghu l-membri kollha għal-laqgħa li Dun Ġorġ kien jagħmlilhom kull nhar ta’ Erbgha. Għaliex “kienu qishom il-Lhud jiġġerrew fid-deżert”, daqqa jiltaqghu f’post u daqqa f’ieħor. Għal dan il-għan kienu bdew jiġbru l-flus mingħand diversi benefatturi. Imma wara ftit taż-żmien Dun Ġorġ uriehom li ma kienx favur li jkollhom dar tagħhom, u anzi wkoll qalilhom biex jagħtu lura l-flus li kienu laħqu nġabru. Din, fi kliem l-ewwel Primarju tas-Soċjetà Spiro Spiteri, kienet biċċa xogħol akbar milli meta ġabru l-flus. X’kien ġara, u għaliex Dun Ġorġ wasal għal dil-konklużjoni? Qalilhom li kien “imnebbaħ” minn San Franġisk t’Assisi biex ma jkollhomx proprjetà tagħhom. Imma tajjeb ngħidu li fl-aħħar snin ta’ ħajtu Dun Ġorġ, meta ra li ċ-ċirkustanzi kienu jitolbu li s-s-Soċjetà jkollha djar tagħha, allura ppermettielha.

 

Lil San Franġisk kien jammirah l-aktar għall-virtù tal-faqar li tant dehret fih. Fil-ktieb Eku tal-Ħbieb, n.18 Dun Ġorġ jistħajjel lil San Franġisk qed iħeġġiġna għall-faqar u jgħid li Ġesù Kristu twieled fqir, għex fqir u miet fqir, u jżid jgħidilna biex nindukraw ruħna mill-inganni tax-xitan li jaf tant jaħbi dawn l-inganni taħt il-pretesti ta’ l-unur ta’ Alla, tal-ġid ta’ l-erwieħ u tal-prosperità tal-Knisja. U fi ktieb ieħor li jġib l-isem Is-Sinagoga l-Ġdida, n. 12, jistħajjel lil dan il-Qaddis jgħidilna:  “Mhemmx agħar mir-regħba għall-flus li Kristu Mgħallem tagħna xebbah lix-xewk li jniggeż u joħnoq il-qalb u ijassarha.”

 

Dun Ġorġ kellu wkoll ammirazzjoni kbira lejn San Franġisk minħabba l-umiltà kbira tiegħu. Kemm-il darba rrakkontalna għaliex dan il-qaddis baqa’ dejjem sempliċi djaknu bla ma qatt kompla għall-presbiterat. Kien jgħidilna li qatt ma ħassu denn li jirċievi d-dinjità ta’ saċerdot.

 

Bħala devot kbir tal-Misteru ta’ l-Inkarnazzjoni Dun Ġorġ kellu mħabba kbira lejn il-presepju li, kif nafu, inbeda fi Greccio mill-Fqajjar ta’ Assisi. Kull Milied huwa kien jarma f’kamartu presepju mdaqqas biex jimmedita quddiemu fan il-Misteru kbir tal-fidi tagħna.  Dun Ġorġ anki ried li, permezz tat-tfal li jattendu l-Oqsma tal-Museum, idaħħal id-drawwa qaddisa tal-Presepju fost ħafna familji Maltin għax kien irid li l-katekisti tiegħu jagħtu lit-tfal kollha qrib il-Milied presepju jew grotta bil-Bambin.

 

Nistħajjel li żgur San Franġisk kien japprova bis-sħiħ l-inizjattiva l-oħra li daħħal Dun Ġorġ li, lejlet il-Milied, jaqbad il-Bambin mill-Presepju u joħroġ bih fi proċessjoni bit-tfal mat-toroq tal-bliet u rħula kollha ta’  Malta u Għawdex b’dik li huwa sejħilha Dimostrazzjoni ta’ Ġesù Bambin. Din id-drawwa sabiħa, li issa saret parti integrali mill-Milied Malti xterdet ukoll barra minn xtutna. Meta Dun Ġorġ bdieha l-ewwel darba fl-1921 ma sabux jixtru statwa mdaqqsa tal-Bambin. Is-Soċji allura marru jiddubbaw wieħed mingħand il-gwardjan tal-Franġiskani Konventwali tal-Belt li mbagħad ħarġuh fost il-kant u l-ferħ tat-tfal tal-Ħamrun.

 

John Formosa SDC

Ħajr www.sanfrangisk.com

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com