U li kieku ma kienx daqshekk kwiet?!

Mill-idea li jagħtuna is-santi, il-qaddisin narawhom nies kwieti kwieti li ma jaqilgħux inkwiet. U forsi aħna hekk nieħdu pjaċir nimmaġinawhom. Tajjeb! Sant’ Antnin ta’ Padova ma kienx hekk! Forsi konna aħna li lil dan il-Franġiskan kwietajnieh iżżejjed; u minn duttur tal-Knisja, Franġiskan kuraġġuż, biddilnieh f’xi ħadd li jfittex iċ-ċwievet, xi parking jew kull ħaġa oħra li nkunu tlifna u nkunu qed infittxu!
 

Quddiem l-inġustizja soċjali Sant’Antnin ta’ Padova ma qgħadtx kwiet. Fi żmienu l-użura kienet tħalli vittmi bla għadd. Hu jitkellem:

“L-imkabbrin u x-xħaħ ta’ din id-dinja bħal magħsra jgħaffġu u jagħsru l-foqra u ‘l dawk fil-bżonn. Dawn ma ħaqqhomx li nxandrulhom il-Kelma ta’ Alla, lanqas ma għadna nibku għalihom, għax la l-kelma ma trattbilhom l-ebusija ta’ qlubhom, lanqas id-dmugħ ma jseħħlu jitfi n-nar ta’ xenqithom”.

Sant’Antnin jagħżel li jkun mal-foqra, jħoss li din kienet is-sejħa tiegħu. Lil min kien jippratikka l-użura ma jħalliehx b’xejn:

“Xewk huma l-għana li jniggeż u joħroġ id-demm; bhejjem imgħaddbin huma s-selliefa, li jaħfu u jibilgħu...Razza misħuta, kibru u tkattru u tqawwew fuq l-art, għandhom snien id-driebes! Is-sellief tal-flus la jqim il-Mulej u lanqas lill-bnedmin; snienu dejjem jitħarrku, lest biex jaħtaf, jomgħod u jibla’ ġid il-foqra, iż-żgħar, ir-romol...u ħarsu liema jdejn jazzardaw jagħtu l-karita’, idejn iqattru demm il-foqra”.

Lil hemm milli jbeżża bl-infern Sant’ Antnin juri il-kruha tad-dnub tal-użura u jżid: “Ma jimpurtahomx, dawn l-imsejknin, mir-realta’ tal-ħajja, min kif daħlu, u kif se jkunu meta joħorġu; daħlu għarwenin; u sa joħorġu mgeżwrin fi ftit ċraret. Mnejn ġihom mela dan il-ġid kollu? Il-ħanfusa tiġbor ħafna ħmieġ u bi tbatija toqgħod tirrumblaħ sa ma ġġibu blalen; iżda f’daqqa waħda jgħaddi ħmar li b’nagħlu jgħaffeġ il-ħanfusa u l-blalen maħmuġin tagħha u f’tebqa t’għajn jgħattamhom ilkoll. Hekk ukoll ix-xħiħ u l-qarrieq idumu qtigħ jiġbru l-ħmieġ tal-flus, u jitħabtu bla waqfien, iżda meta ma jkunux jistennew jiġi x-xitan u jifgahom. Imbgħad ir-ruħ jirtuha x-xjaten, il-ġisem id-dud, il-ġid miġbur il-qraba. U hemm agħar minn hekk. Mhux biżżejjed li dawn l-imsejkna iwarrbu jew joħonqu t-tnebbiħ minn Alla, iridu wkoll ineħħuħ minn qlub marthom u uliedhom. Jekk xi iben, imwerwer mill-ħaqq ta’ Alla u mill-infern, ikun irid jibda jgħix onestament, u l-missier isir jaf b’dan, bis-saħħa tiegħu kollha jagħmel minn kollox biex ibiegħed minnu dik il-grazzja. Kemm ħsarat jibqgħu jagħmlu dawn il-qattiela! Dawn joqtlu fihom infushom u fl-oħrajna l-indiema u t-tifkira tal-Passjoni ta’ Kristu”.

Sant’ Antnin ma kienx persuna li jippriedka biss. Kien jaġixxi skond dak li fih kien jemmen. L-istorja tal-Qaddis ta’ Padova tgħidilna li darba waqt li kien qed jippriedka sema’ li kien miet wieħed mill-użuraj. Lin-nies qallhom: “Araw issa kif ser iseħħ il-Kelma ta’ Alla li fejn hu t-teżor tiegħek hemm hi qalbek, morru iftħu s-senduq tiegħu u hemm issibu qalbu qalb il-flus”. L-istorja tgħid li hekk kien.

Nafu li lil-użuraj ma kien jikxfilhom dnubhom biss imma kien jipprova jwassalhom għall-qdusija. Nafu li fil-15 ta’ Marzu 1231, sewwa sew fi tmiem l-aħħar Randan tiegħu, il-muniċipju ta’ Padova ħareġ statut: “wara talba tal-venerabbli Fra Antonju tal-Ordni tal-Minuri,” favur dawk li kellhom jagħtu iżda li ma kellhomx minn fejn, li skond id-drawwa selvaġġa ta’ dak iż-żmien, kienu jaqfluhom fil-ħabs.

Sant’ Antnin ta’ Padova jurina ir-responsabilita’ ta’ kull nisrani li jħares il-ħajja ta’ ħuh l-aktar fejn qed tiġi pprattikata nġustizzja kontra tiegħu.

Kwiet kwiet ma kienx, imma uża il-Vanġelu biex jagħti ħelsien!

 

Ħajr Vergilio Gamboso, il-Ħajja ta’ Sant’ Antnin, miġjub għall-malti minn P. Edmund Teuma OFM Conv,Ċak Malta, 2006.

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com