Il-wiċċ żgħażugħ tal-Ordni Franġiskan

Fil-ġimgħa ta' wara l-Għid, 300 Franġiskani Konventwali żgħażagħ iltaqaw Assisi, flimkien mal-Ministru Ġeneral Fr. Marco Tasca. L-iskop ta' din il-laqgħa kbira kienet li l-patrijiet ikollom ċans jirriflettu fuq il-kontemplazzjoni, il-missjoni, il-faqar, il-ħajja flimkien u il-minorita' bħala elementi ċentrali tal-ħajja franġiskana.

Il-patrijiet li attendew kienu minn diversi pajjiżi: Kroazja, Ġermanja, Ingilterra, Italja, Polonja Repubblika Ċeka, Irlanda, Belorussja, Ukrajna, Uzbekistan, Rumanija, Russja, Slovakkja, Slovenja, Franza, Spanja, Turkija, Lebanon u Malta.

Minn Malta attendew Fra Christian Borg, Fra Allister Aquilina, Fra Joseph Formosa u Fra Karl Saliba, flimkien mal-Provinċjal Fra Alfred Callejja.

Il-patrjiet kellhom ukoll ix-xorti jagħmlu esperjenza ta' kemm l-Ordni Franġiskan huwa esperjenza żgħażugħa, mimli ferħ, enerġija u entużjażmu għal dak kollu li hu ta' Alla u tal-bniedem.

Tkellimna mà Fra Christian Borg u qalilna dan il-kliem:

Il-qawmien mill-mewt ta' Ġesù huwa l-qofol tal-ħajja nisranija għaliex permezza tal-mewt u l-qawmien tiegħu aħna nirċievu ħajja ġdida. Għall-Knisja il-ġimgħa kollha minn Ħadd il-Għid sal-Ħadd ta' wara (imsejjħa ottava) hija bħal jum wieħed li fih tifraħ u tħabbar ir-rebħa tal-Mulej fuq il-mewt.
Għalina l-patrijiet żgħażagħ tal-ewropa li għadna qegħdin nistudjaw u għadna fl-ewwel snin tal-ħajja reliġjuża tagħna kienet ġimgħa speċjali għaliex iltqajna lkoll flimkien (kważi 300) f'Assisi. Tlabna u fraħna flimkien, smajna l-esperjenzi ta' xi patrijiet li għamlu esperjenzi partikulari u ddiskutejna fuq kif għandna ngħixu b'mod awtentiku l-vokazzjoni tagħna li nimxu wara Ġesù u li nkunu xhieda tal-imħabba ta' Alla quddiem id-dinja.
Minn Malta konna ħamsa; erba' patrijiet li qegħdin nistudjaw fl-Italja flimkien mal-Provinċjal tagħna patri Alfred..... Bħas-soltu, ladarba kien hawn grupp ta' Maltin flimkien sibna l-ħin biex nitkellmu u nifirħu b'xulxin għaliex min jimxi wara Ġesù huwa ferħan bl-imħabba li rċieva u li jrid jaqsam ma' ħutu.