Min jibda jsir midħla tal-Istorja tal-Ordni Franġiskan ikollu jieqaf meta jħabbat wiċċu mat-tonok b’ilwien u tifsil differenti li jintlibsu llum mill-membri tal-“familji” li jiffurmaw il-Muviment Franġiskan. Għax billi din hi l-ewwel ħaġa li tiġi quddiem għajnejn dawk li jersqu lejn il-Franġiskani, dejjem tqajjem il-kurżità tagħhom jekk ma tħawwadhomx ukoll, u hawn jibdew il-mistoqsijiet tas-soltu.

F’Assisi, fejn it-tonok jintużaw, nistgħu ngħidu, il-ħin kollu, wieħed jara varjetà sħiħa tagħhom, għax illum it-tonka Franġiskana ttieħdet b’adozzjoni kemm minn individwi b’għażla personali, kif ukoll minn istituzzjonijiet ġodda fi ħdan il-Knisja (u anki ’l barra minnha) li għal ħajjiet il-membri tagħhom għażlu wkoll l-għajxien tal-ispiritwalità Franġiskana. Għaldaqstant id-diskors dwar it-tonka Franġiskana jeħtieġ ikun iċċarat.

Hi ħaġa ċara li ebda Familja Franġiskana tal-lum ma tilbes it-tonka ta’ San Franġisk u sħabu tal-ewwel żmien, la fil-lewn u lanqas fit-tifsila. Din kienet imfassla għamla ta’ salib jew taw u kienet tkun ta’ suf mhux miżbugħ, iżda minsuġa b’ħajt abjad u iswed, li jagħti lewn griż irmiedi. Dan baqa’ obbligatorju għall-Franġiskani kollha sa nofs is-seklu XVIII. Anzi, billi bdiet tinsab diffikultà biex jinsab drapp bħal dak fil-kwanitajiet meħtieġa u kull meta kien meħtieġ,  f’ċertu żmien għall-Osservanti u l-Kapuċċini kienet ħarġet ordni li kull Provinċja jkollha l-fabbrika tal-insiġ tagħha biex tipprovdi drapp għat-tonok li jkun uniformi.

Fost il-Minuri Konventuali, fit-tieni nofs tas-seklu 18, bdiet dieħla t-tendenza għall-iswed, għad li l-“Kostituzzjonijiet Urbani” tal-Ordni, anki fl-edizzjoni tal-1803, kienu għadhom jimponu l-lewn griż. Iżda mbagħad din l-ordni għabet fl-edizzjoni tal-Kostituzzjonijiet li ħarġet fl-1823. Dak iż-żmien ukoll minħabba s-“soppressjoni Napuljonika”, li riedet teqred l-ordnijiet u l-kongregazzjonijiet reliġjużi, il-membri tal-Ordni, biex ma jingħarfux, għal xi żmien kellhom jilbsu s-suttana sewda tal-kleru sekulari. Dil-ħaġa ssoktat issaħħaħ it-tendenza lejn l-iswed, li mbagħad il-Konventwali baqgħu bih anki meta l-qagħda politika nbidlet u huma setgħu jerġgħu għal-lewn oriġinali Franġiskan, li hu l-griż. Illum il-griż reġa’ beda dieħel bil-mod il-mod fl-Ordni Franġiskan Konventwal, għalkemm l-iswed għadu jintlibes mill-membri tal-biċċa l-kbira tal-Provinċji.

Għall-Minuri Osservanti il-passaġġ mill-griż għall-kannella beda jseħħ fi Franza fit-tieni nofs tas-seklu 19, u sar obbligatorju għall-Familja kollha bil-Kostituzzjonijiet li ħarġu mill-Kapitlu ta’ Assisi tal-1895. Dak iż-żmien il-Papa Ljun XIII għaqqad fl-Ordni hekk imsejjaħ tal-Minuri l-bosta Familji tal-Osservanza. B’hekk il-lewn għall-Ordni tal-Minuri sar kannella skur jagħti fl-iswed.

Għall-Minuri Kapuċċini, li b’xi mod imxew fuq l-iżvilupp li seħħ fost l-Osservanti, anki biex jevitaw xi difformità, fl-1912 kien ordnat li lewn it-tonka għandu jkun kannella jew aħjar qastni, jixbah mhux ħażin lil dik tal-Patrijiet Minuri, iżda mhux daqshekk skur u jagħti kemmxejn fl-isfar. Jekk nieħdu l-għamla, ikollna nagħrfu li t-tonka tal-Minuri Kapuċċini kif inhi llum hi l-aktar waħda fit-tifsila li tixbah lil dik tal-ewwel Franġiskani, għad li dawk kienu jilbsu wkoll il-kapparrun li kien jasal saċ-ċinglu, u b’dan meta jintlibes it-tonka kienet tiġi tixbah ukoll lil dak tal-Minuri Konvetwali.

 

Paolo Rossi

 

Ħajr