Fejn wasalna?

Il-Franġiskani Konventwali Maltin, bejn it-Tnejn, 11 ta’ Settembru u l-Erbgħa, 13, iltaqgħu fiċ-Ċentru Franġiskan ġewwa Birkirkara biex jagħmlu verifika tal-ħidmiet u l-missjonijiet tagħhom f’dawn is-sentejn li għaddew u ħarsa lejn is-sentejn li ġejjin.

Il-patrijiet kienu jibdew il-ġurnata b’Lectio Divina dwar it-temi prinċipali li kellhom jiġu trattati f’dawn il-laqgħat; il-Ħajja Fraterna u l-Vokazzjonijiet. Fr. Brandon Mark Gatt u Fr. Kevin Schembri kienu is-saċerdoti li għenu lill-patrijiet jirriflettu fuq dan.

L-Assistent Generali tal-Patrijiet Minuri Konventwali għaż-żona Mediterranja tal-Ordni preżenta lill-patrijiet dak li l-Ordni qed jaħdem fuqu f’dawn is-sitt snin iġifieri: “Ngħixu l-Vanġelu bħala patrijiet Minuri Konventwali u hekk ngħinu għall-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida”. Il-Ministru Provinċjal P. Ġorġ Żammit tkellem dwar il-Vokazzjoni tagħna bħala don u dwar l-importanza li nkunu f’sintonija ma’ dak li Alla jrid minna. “Jekk inħallu r-rieda ta’ Alla tirbaħ fuq ir-rieda tagħna, nkunu patrijiet kuntenti” tenna Patri Ġorġ.

Mument importanti f’din l-evalwazzjoni kien il-preżentazzjoni ta’ dak li qalu il-patrijiet dwar il-ħajja tagħhom f’dak li għandu x’jaqsam mal-Ħajja Fraterna, it-talb, il-Vokazzjonijiet u l-ministeru tagħhom. Dan sar permezz ta’ kwestjonarju li ntbgħat lil kull patri. Ma’ dan ġew preżentati ukoll ir-riżultati ta’ dak li qalu xi lajċi li ġew mitluba jikkumentaw fuq il-ħajja tal-patrijiet Minuri Konventwali, huma wkoll permezz ta’ intervisti. Ir-riżultati ta’ dak li ħareġ mill-kwestjonarju u l-intervisti ġew maħduma u preżentati minn Dr. Daniela Zerafa.

Il-patrijiet Franġiskani Maltin kellhom iċ-ċans ukoll jevalwaw il-ministeri tagħhom f’oqsma oħra fejn huma impenjati; il-ħidma vokazzjonali, il-missjoni tal-patrijiet ġewwa Ingilterra ma’ Maltin li jkollhom bżonn ta’ kura f’Londra u il-missjoni konġunta bejn il-provinċji ta’ Malta u l-Indja fin-Nord tal-Indja. Il-patrijiet tkellmu ukoll dwar il-ħarsien tal-kunventi u l-knejjes tagħhom. Il-patrijiet esprimew il-ħsibijiet tagħhom kemm waqt id-diversi preżentazzjonijiet tal-ħidmiet tagħhom, kif ukoll waqt xogħol li sar fi gruppi iżgħar.

Dan kollu seħħ fi klima fraterna, b’ħarsa ta’ gratitudni lejn il-passat, u oħra ta’ tama lejn il-futur. Il-patrijiet jirrikonoxxu li huma qed jibnu fuq dak li ħallew ta’ qabilhom, imma huma wkoll qed ikomplu jiktbu l-istorja ta’ Ġesu’ fid-dinja tallum fuq il-passi ta’ San Franġisk t’Assisi.

Nirringrazzjaw lil Alla li tagħna l-grazzja illi dawn it-tlett t’ijiem iservu biex inġeddu l-impenn tagħna li nkomplu nagħrfu dak li Alla jrid minnha, inħallu lil Ġesu’ Kristu jiltaqa’ magħna, u nagħmlu ħilitna biex kull min għandu għatx għal dak li Hu veru, jiltaqa’ miegħU u jagħmel esperjenza sabiħa tal-Vanġelu ta’ Ġesu’. 

Il-Mulej jagħtikom is-sliem