Il-Grupp Vokazzjonali 

Il-Grupp Vokazzjonali: "Ħidma Sejħa Franġiskana" huwa grupp ta' żgħażagħ u patrijiet li b'ispirazzjoni Franġiskana qiegħdin f'mixja biex jaraw dak li Alla jixtieq minnhom. Huwa il-grupp uffiċċjali li jaħdem f'isem il-Provinċja tal-Franġiskani Konventwali f'Malta. Fis-sena 2015 il-Provinċjal tal-Patrijiet Minuri Konventwali ħatar lil Patri Joseph Formosa bħala l-animatur tal-vokazzjonijiet u 3 patrijiet oħra li jgħinuh f'din il-ħidma; Patri Arthur Cutajar, Patri Andrew Galea u Fra Etienne Gilson.

Bħala grupp infittxu li nagħrfu dak li Alla jkun qed jgħidilna permezz tal-ġrajjiet ta' ħajjitna. L-istorja tagħna, il-Kelma ta' Alla u il-ħajja ta' San Franġisk huma għodda privileġġata biex bihom nagħrfu il-preżenża ta' Alla f'ħajjitna u il-missjoni tiegħu għalina. Għalhekk infittxu li jkollna laqgħat ta' talb u adorazzjoni. Laqgħat oħrajn ikunu iktar rikreattivi bħal ġranet Għawdex li nqattgħu fis-sajf u il-ħruġ fil-kampanja li nagħmlu fix-xitwa. Xi wħud mill-grupp jiddeċiedu li jagħmlu esperjenza ta' Volontarjat.

Esperjenza li dan l-aħħar sentejn qed tniżżel l-għeruq hija dik tal-Pelleġrinaġġ f'Assisi fejn fih ikollna ċ-ċans nagħmlu intinerarju spiritwali fuq il-passi tal-qaddis fundatur tagħna. Għall-min jkun qed jaħsibha bis-serjeta' li jibda iż-żmien imsejjaħ 'postulandat'' Jiġu offruti esperjenzi vokazzjonali fid-Dar tal-Formazzjoni tagħna. Dawn l-esperjenzi jservu biex wieħed jagħraf aħjar il-ħajja tal-patrijiet Franġiskani Konventwali. 

Permezz ta’ din il-Website irridu nwasslu dik li hi il-ħidma u il-missjoni tagħna f’Malta u fid-dinja, kif ukoll tagħrif dwar dak li jagħmlina ‘patrijiet franġiskani’.

 

Għaliex Konventwali?

Faċli tagħrafna u faċli biex issibna. It-tonka griża tagħna lewn l-irmied u l-Kunventi tagħna fiċ-ċentri ta' l-irħula u l-ibliet jgħinu biex jiddistingwu malajr min aħna u ssibuna minnufih.

U dawk il-patrijiet aħna...dawk ta' putirjal...inti u dieħel il-Belt..f'dik il-Knisja ta' San Franġisk, fejn wieħed dejjem jilmaħ serbut ta' nies għall-qrar! Imbghad ghadna Kunvent Birkirkara, ieħor ir-Rabat Malta, kif ukoll Għawdex. U tlett paroċċi: Qawra, San Pawl -il Baħar u Burmarrad.

Konventwali - isem qadim, għax konna ngħixu f'kommunitajiet f'kunventi fiċ-ċentri tal-bliet meta San Franġisk, iktar minn 800 sena ilu, waqqaf l-Ordni. Nippruvaw ngħixu bħala aħwa bl-aħjar mod li nistgħu. Nieħdu ħsieb xulxin, nitolbu flimkien, nieklu flimkien u nfittxu mumenti li fihom naqsmu l-esperjenzi tagħna, nidħku u niddevertu flimkien.

Ix-xogħol partikolari tagħna jikkonsisti f'għajnuna spiritwali lin-nies, b'mod speċjali fil-qrar u permezz tad-direzzjoni spiritwali. Xi ħaġa li tiddistingwina sew hija wkoll il-komunikazzjoni soċjali. Kariżma li taf il-bidu tagħha f'ħuna San Massimiljanu Kolbe, li hu ukoll kien Franġiskan Konventwal. San Massimiljan, kien lest juża kull mezz, anke saħansitra l-aktar wieħed effiċjenti, u li jiswa il-flus biex jevanġelizza. Flimkien mal-ħolqien li jfaħħar lil Alla fl-Għanja tal-Ħlejjaq ta' Missierna San Frangisk, nistgħu nżidu ukoll "Tkun mfaħħar Mulej f'ħuna l-mutur". Iċ-Centru Animazzjoni u Komunikazzjoni ĊAK, f'Birkirkara huwa ispirat minn din il-vokazzjoni ta' San Massimiljan Kolbe.

 

 

Dak li aħna il-Franġiskani Konventwali! Xejn speċjali hux? Imma għalina huwa biżżejjed, għax konvinti li dak li nwettqu, nagħmluh bil-qalb. Permezz ta' dan ix-xogħol qegħdin inbierku lil Mulej, qiegħdin nirringrazzjawh u bla kburija ta' xejn qiegħdin naqduh ilkoll, kif wara kollox jirrikmandalna fl-għanja tiegħu missierna Franġisku, il-fqajjar t'Assisi.

 

 

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com