Atteġjamenti meħtieġa biex isir dixxerniment tajjeb 2

Indifferenza tal-qalb

Minbarra x-xewqa li jsib u jwettaq biss ir-Rieda ta’ Alla, min ikun se jibda proċess ta’ dixxerniment irid ikollu wkoll dik li tissejjaħ ‘indifferenza’ għal dak li jista’ jippreferi hu stess. Meta wieħed ikollu quddiemu żewġ affarijiet (jew iktar) li huma lkoll tajbin fihom infushom u jrid jiddixxerni liema minnhom Alla jkun irid minnu fil-mument, hija ħaġa naturali li dak li jkun ikollu ċerta preferenza jew inklinazzjoni lejn waħda minnhom. Ġa għamilt referenza għad-dilemma kbira li kellu San Franġisk dwar jekk għandux jgħix ħajja pjuttost eremitika u jingħata unikament għall-kontemplazzjoni jew inkella għandux jibqa’ jgħix kif kien qed jagħmel, jiġifieri, ħajja mħallta ta’ predikazzjoni u talb fit-tul. Meta jirrakkonta dan il-fatt, San Bonaventura jagħtina x’nifhmu li bejn dawn iż-żewġ modi ta’għixien Franġisku kellu preferenza; donnu kien iktar iħossu miġbud lejn l-irwol ta’ Marija, oħt Marta, u jgħix ħajja ta’ talb bla jaqta’. Madanakollu kien indifferenti għall-preferenza tiegħu, jiġifieri, kien lest jibqa’ jgħix ħajja kontemplattiva u fl-istess ħin appostolika kieku kellu jiskorpi li dan kien iktar jogġħob lil Alla. U hekk kien! Meta, bil-għajnuna ta’ persuni oħra, sab li “jkun aktar jogġħob lil Alla li l-Ħabbâr ta’ Kristu [Franġisku] joħroġ jippriedka … qam malajr, xeħet fuqu l-libsa (Ġw 21:7) u bla ma qag]ad jitnikker xejn, telaq għal għonq it-triq”[1] jippriedka.

Jekk min se jibda jiddixxerni ma jkunx lest iċedi l-preferenza tiegħu għall-preferenza ta’ Alla, għax ikun marbut b’mod diżordinat ma’ xi waħda mill-proposti li jkollu quddiemu, ma jistax jagħmel dixxerniment tajjeb għax internament ma jkunx ħieles biżżejjed biex jisma’ x’jixtieq Alla. Kif kienet tgħid Santa Madre Tereża ta’ Kalkutta, “God cannot fill what is already full, but only what is empty.

 

[1] San Bonaventura, Il-Leġġenda Maġġuri, kap 12.

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com