Atteġjamenti meħtieġa biex isir dixxerniment tajjeb 3

Tama ċerta li Alla se jwieġeb

Ngħaddu issa għat-tielet atteġġjament, jiġifieri, li wieħed għandu jkollu tama ċerta jew persważjoni f’qalbu li Alla se jwieġbu matul il-proċess tad-dixxerniment. Fil-ħdax-il kapitlu tal-Evanġelju skont San Mattew, insibu eżortazzjoni qawwija ta’ Kristu li tiġbor fiha l-atteġġjament ta’ fidi għamja li qed nitkellmu dwaru: “Tassew ngħidilkom, li jekk xi ħadd jgħid lil din il-muntanja, ‘Intrefa’ u nxteħet fil-baħar’, bla ma joqgħod jitħasseb f’qalbu imma jemmen li dak li jgħid ikun se jsir, isirlu żgur” (Mk 11:23). Huwa minnu li xi minn daqqiet ma tinżlinniex malajr il-verità li Alla li jista’ kollox, li m’għandu bżonn ħadd u xejn, li s-smewwiet huma t-tron tiegħu u l-art il-mirfes fejn iserraħ riġlejh, jista’ qatt ikollu kelma għalija, propju għalija! Mhux ta’ b’xejn li Fr Peter van Breemen, fil-ktieb tiegħu, As Bread that is Broken, jgħid li: “It is fairly easy to believe in God’s love in general but it is very difficult to believe in God’s love for me personally. Why me?”[1] Meta naqraw id-djalogi ta’ Santa Katerina ta’ Siena, Terzjarja Dumnikana, nistgħu nieħdu l-impressjoni li dan Alla m’għandu xejn x’jagħmel ħlief li jokkupa ruħu b’Katerina. U hekk hu! U mhux b’Katerina biss, imma b’kull wieħed u waħda minna! L-attenzjoni ta’ Alla fuqna hija mija fil-mija, erbgħa u għoxrin siegħa fil-ġurnata, mingħajr interruzzjoni. Dan għandu jnissel f’min se jibda jiddixxerni, persważjoni profonda li Alla mhuwiex se jħallih lampa stampa, imma, iva, se jsejjaħlu b’ismu (Iżaija 43:1) u se jirrivelalu x’jixtieq minnu b’mod personali ħafna.

[1] San Bonaventura, Il-Leġġenda Maġġuri, kap 12.

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com