X'nifmhu b'dixxerniment spiritwali?

L-aħwa, x’parir tagħtuni? Għandi ningħata biss għat-talb, jew immur nippriedka ‘l hawn u ‘l hemm?[1] Din il-frażi qalha San Franġisk meta tkellem mal-patrijiet li kienu midħla tiegħu dwar dubju kbir li kien daħallu f’moħħu, jiġifieri, jekk għandux jgħix ħajja pjuttost eremitika u jingħata unikament ghall-kontemplazzjoni jew inkella għandux jibqa’ jgħix kif kien qed jagħmel, jiġifieri, ħajja mħallta ta’ predikazzjoni u talb fit-tul. Iż-żewġ triqat dehrulu tajbin imma ma kienx jaf sewwasew liema minnhom kienet ir-Rieda ta’ Alla ghalih. Ħassu f’salib it-toroq, maqsum fi ħsibijietu u nkwetat għall-aħħar. Biex wasal solva d-dilemma li kienet tifnieh, Franġisku kellu jagħmel dak li jissejjaħ “dixxerniment” (bil-Grieg: “diakrino”, διακρίνω, li tfisser tissepara, tiddistingwi, teżamina bir-reqqa kollha).

            Il-kelma “dixxerniment spiritwali” tirreferi għal eżerċizzju jew mod li bih nisseparaw, niddistingwu bi prudenza bejn dak li gej minn Alla u dak li ma jkunx ġej minnu.  Dan l-eżerċizzju mhu faċli xejn għax mal-leħen sottili ta’ l-Ispirtu ta’ Alla fina jitħalltu ħafna ilħna oħra (per eżempju, l-ilħna tal-ambizzjoni, tal-kburija, tal-għira, tal-egoiżmu, tal-esibizzjoniżmu, eċċ.) li ma jħalluniex naraw ċar ir-Rieda ta’ Alla fiċ-ċirkustanza li nsibu ruħna fiha.

            Meta għandna nagħmlu “dixxerniment spiritwali”? Id-dixxerniment spiritwali jsir meta jkollna quddiemna żewġ affarijiet (jew iktar) li huma lkoll tajbin fihom infushom imma ma nkunux nafu sewwasew liema minnhom Alla jkun irid minna fil-mument. Ngħidu aħna, ikun hemm missier ta’ familja li jkun involut ħafna fi grupp tal-knisja, iżda li fl-istess ħin ikollu wliedu li jeħtieġu iktar il-preżenza taż-żewġ ġenituri minħabba li jkunu jinsabu f’fażi kruċjali tat-trobbija tagħhom. Dan il-missier għandu quddiemu żewġ affarijiet tajba: (i) li jmur jevanġelizza bieb bieb hija ħaġa ta’ valur kbir; (ii) li jqatta’ iktar ħin mat-tfal hija wkoll ħaġa f’lokha u ta’ min jirrikmandaha. Irid issa jiddixxerni, jiddistingwi b’għaqal bejn dawn it-tnejn, biex jara liema minnhom hija r-Rieda ta’ Alla għalih għax, kif iħobb jgħidilna wieħed patri, ‘mhux kull ma hu tajjeb huwa qaddis’, jiġifieri, mhux kull triq tajba li jkolli quddiemi bilfors Alla jkun iridha minni fil-mument.

           Fid-dixxerniment spiritwali hemm prinċipju tad-deheb li jeħtieġ inżommuh ċar quddiem għajnejna: mhijiex tant importanti d-deċiżjoni aħħarija li wieħed jieħu, daqskemm il-fatt li wieħed ikun għadda minn proċess ta’ dixxerniment minħabba l-bidla li dan il-proċess iħalli f’min jgħaddi minnu. Għaliex? Għax il-fatt li wieħed jibda jitħarreġ fl-eżerċizzju tad-dixxerniment diġa’ fih innifsu huwa pożizzjoni qawwija: li Alla huwa s-Sid, l-Imgħallem, u min qed jiddixxerni huwa sempliċiment dixxiplu, qaddej, li qed ifittex ir-Rieda tiegħu. Għalhekk, int u taghmel l-ezerċizzju tad-dixxerniment, tkun qed tiġi ffurmat dejjem iktar bhala dixxiplu. Din il-bidla li sseħħ f’min qed jiddixxerni hija iktar importanti minn fejn iwassalna l-istess proċess.

[1] San Bonaventura, Il-Leġġenda Maġġuri, kap 12.

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com