31 Ħadd matul is-Sena

 

Kieku ried setà xtara flat ħdejn il-baħar u qagħad iqattà l-ħin fil-gallarija jpejjep il-pipa u jaqrà il-gazzetta. Kien bniedem li rnexxa. Kien Kap tal-pubblikani u kien għani. Flus u poter! X’setgħa ried iktar? Imma ma kienx kuntent. Kemm jiġri lilna wkoll li kultant ikollna kollox u ma nkunux kuntenti. Bħal donnu fina jkollna ċerta ikwetitudni li ma tħallina qatt sodisfatti. Meta jiġrilna hekkm għadna għażla; jew nibqgħu nimtlew sa ruħ ommna bl-affarijiet li mingħalina jistgħu jagħtuna il-ferħ jew inkella nfittxu iktar fil-profond. Li hu żgur li m’għadniex nibżgħu nfittxu iktar fil-fond; niftakru li qaddisin kbar fittxew fil-fond, meta ndunaw li dak kollu li kellhom ma kienx qed itihom sodisfazzjoni.

Ma nistgħaġbux li hekk kif nibdew nfittxu fil-fond, ser insibu folla kontrina. Hekk ġralu Żakkew: “Kellu x-xewqa li jara min kien Ġesu’, imma ma setax minħabba il-folla...”! Kemm tinfluwenza il-folla! Kemm –il darba l-folla issir oraklu? Kemm –il darba tajna d-dritt illi naħsbu, illi nirriflettu, illi naraw x’tgħid il-Kelma ta’ Alla lill-folla u ħallejna il-folla tiddeċiedi. Kemm hu għalina diffiċli il-kunċett: “Imorru kontra il-kurrent”. Kemm nibżgħu nkunu differenti? Kemm –il darba nibqà nagħmel l-istess affarijiet li tagħmel il-folla, biex ma nħossnix differenti, biex ma nidhirx stramb, biex ma nidħolx fi sforzi żejda biex inkun aħjar? Kemm jiġri li l-folla tiġi manipulata? Kemm –il darba il-folla tbiegħ id-dritt li taħseb għall-ftit iktar kumdità? Imma dan Żakkew imur kontra il-folla..daqshekk...lil Ġesù ried jaraħ u jagħmel minn kollox biex jaraħ...saħansitra jitlà fuq tina selvaġġa.

Żakkew mhux biss huwa konxju mill-limitazzjonijiet li qed tpoġġi quddiemu il-folla imma anke konxju mill-limitazzjonijiet personali tiegħu, huwa qasir! Żakkew jagħmel minn kollox biex jegħleb l-ostakli kollha possibli li ma jħalluhx jara lil Ġesù. Issa il-karti f’idejn Ġesù.

U l-laqgħa ssir, Ġesù jħares ‘l fuq! “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli niekol għandek”. Qrajna fil-bidu tal-parabbola li “Żakkew mar jiġri ‘l quddiem u xxabbat ma’ tina selvaġġa”. Ġesù jipparteċipa fl-entużjażmu ta’ Żakkew, “Isa” jgħidlu... “Għaġġel”, “Ħaffef”, “Iġri”. F’din il-parabbola kollox isir bil-ġenn! “Dak bla telf ta’ żmien, u kollu ferħan laqgħu għandu”.

Qishom tnejn li kienu ilhom jafu ‘l xulxin ħafna żmien imma kienu ilhom ma jaraw lil xulxin. Għall-Ġesu’ huwa bżonn li jiltaqà ma’ Żakkew (“Jeħtieġli”) u għall-Żakkew huwa bżonn li jiltaqa’ ma’ Ġesu’ (“Bla telf ta’ żmien u kollu ferħan”). Fl-aħħar sab dak li kien ilu tant ifittex!

Fil-Bibbja ħafna huma dawk li marru jgħaġġlu meta sabu dak li tant kienu ilhom jixtiequ:

Ir-Rgħajja f’Betlehem wara li kellmuhom l-anġli “marru mela jgħaġġlu, sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija minduda f’maxtura”. Marija tmur tgħaġġel lejn l-għoljiet biex tħabbar dak li kien qalilha il-Mulej, f’dar Eliżabetta. Missier l-Iben il-ħali lemaħ lil ibnu u tħssru, u “b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu”. Marija, oħt Lazzru toħroġ tiġri tiltaqa’ ma’ Ġesu’ hekk kif Marta tgħidilha: “Il-Mulej hawn u qiegħed isejjaħlek”. Pietru u Ġwanni jiġru lejn il-qabar.

U kollha kemm huma jsibu il-ferħ li qalbhom kienet tant tixtieq.

U int? Kemm ser iddum qisek mejjet, titkaxkar mal-folla, tibki liliek inniffsek għax int qasir u insodisfatt? Iġri! Taf għand minn għandek tmur. Ċaqlaq! Ma jiddispjaċikx.

 

Il-Ħadd it-tajjeb

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com