Relazzjonijiet...

Fil-ħajja niltaqaw ma’ ħafna nies; ma’ tal-ħanut, man-nies tax-xogħol, mal-pustier, max-xufier ta’ tal-linja, u ma’ ħafna oħrajn. Imbgħad niltaqaw ukoll, anzi ngħixu magħhom, man-nies li b’mod naturali jew b’deċiżjoni intrabatna magħhom; ommna, missierna, irġielna, in-nisa tagħna, uliedna, il-komunitajiet tagħna. Tifhmu li r-relazzjoni tiegħi ma’ marti hija differenti minn dik ta’ mal-pustier, jew ma’ tas-sales girl li nsib mal-counter meta mmur nixtri t-televixin. Waħda, dik ta’ mal-persuna li nsib mal-counter meta mmur nixtri televixin hija waħda funzjonali; timbena biex tissodisfa funzjoni; li jien immur d-dar b’televixin ġdid. Hemm differenza bejn ir-relazzjoni li jirnexxieli noħloq mat-tabib, mal-pustier, ma’ tal-grocer, u r-relazzjoni li noħloq ma’ ommi, missieri, ħuti, zewġi, marti, uliedi.

Tant hu hekk li anke jekk ngħid: “It-tabib tiegħi” u “r-raġel tiegħi” inkun qed nifhem żewġ affarijiet kompletament differenti (sakemm ir-raġel tiegħek ma jkunx tabib ukoll!). F’waħda nifhem is-servizz li tabib itini, fl-oħra nifhem li ħajti tiddependi mill-imħabba ta’ dik il-persuna, li hija żewġi. Jekk it-tabib jonqos, ovvjament jiddispjaċini, u jekk nkun nafu sew ħafna ukoll, imma naf li  hi l-prezenza ta’ persuna oħra li tagħti sens u stat lil ħajti.

Għalfejn qed nitkellem daqshekk fuq ir-relazzjonijiet, tant li forsi ġa tħawwadtu u dħaltu f’xi nagħsa ħelwa? Għax il-Vanġelu tallum huwa dwar ir-relazzjonijiet. Għadna l-imħallef kiesaħ, antipatku, li m’għandu relazzjoni ma’ ħadd. Il-Vanġelu hekk jiddiskrevieħ bħala “wieħed li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd”. Il-Bravu jasal kważi jiftaħar bil-ħaġa u jgħid: “Mhux għax nibża minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies...”. Imbgħad għadna waħda armla li l-kundizzjoni tagħha titkellem eżatt dwar l-assenza ta’ relazzjoni. L-isem stess jgħid li din il-mara kellha relazzjoni u bħalissa tinsab nieqsa minnha. Mal-Imħallef tibni relazzjoni li aħna semmejniha funzjonali, għandha biss bżonn pjaċir mingħandu. Ngħiduha kif inhi, b’karattru bħall-dak ma setgħetx tippretendi xi ħaġa iktar profonda minn hekk!

Fil-ħajja nisranija tagħna, jista’ jkollna ukoll relazzjonijiet differenti ma’ Alla. Nistgħu nkunu bħall-imħallef li minn Alla ma kien jimpurtaħ lanqas tikka. Taħsbux li qed nesaġera, jista’ jkun li aħna nibqgħu niġu il-knisja, imma bil-mod il-mod nrabbu qoxra għall-dak kollu li hu ta’ Alla. Imbgħad jista’ jkollna relazzjoni ma’ Alla kif xtaqet tibni l-armla mal-imħallef. Xtaqitu jagħmillha ħaqq imma xejn iktar minn hekk. Riedet li jagħmillha pjaċir, imma bl-ebda mod ma’ riedet lilu. Kemm jista’ jiġrilna hekk aħna wkoll miegħU; arana ntaqqbulu moħħu meta nkunu f’xi bżonn, imma ma nkunux nixtiequ lilu. Jinteressana iktar f’dak li jista’ jagħtina milli fil-fatt li hu jingħata kollu kemm hu għalina. Nitolbuħ affarijiet li jgħaddu, imma mhux li nkunu miegħu għall-dejjem. Alla huwa relazzjoni li tgħixha, tixtieqha.

Darba kien hemm żewġ nisa li l-Vanġelu jgħid espliċitament li Ġesu’ kien iħobbhom; dawn kien jisimhom Marta u Marija! Tiftakru dawn kellhom bżonn pjaċir mingħand Ġesu’, li jqajmilhom mill-mewt lil ħuhom Lazzru. Pero’ qabel Ġesu’ jqajjem lil ħuhom jipprova jispjegalhom li anke b’ħuhom mejjet huma fi żgur. Araw naqra Marta u Marija jitkellmu dwar ħuhom u Ġesu’ jkellilhom dwaru inniffsu: “Jien u il-Qawmien u il-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?”

Fil-ħajja ħaġa waħda hi importanti, li Hu jkun hemm f’dak kolu li jiġri. Mhux importanti jekk Lazzru jqumx jew le, l-importanti li Marta u Marija fehmu li Ġesu’ kien hemm, magħhom intant Lazzru qam imma reġa miet. Ejjew aħna ukoll nixtiequ lilu, ejjew nitolbuħ il-grazzja li nemmnu li ħaġa waħda tibqa’, l-imħabba tiegħu għalina. Kollox jgħaddi, dak kollu li nitolbu għad jispiċċa wkoll. Dak kollu li ħsibna li kien daqshekk importanti, quddiem il-Mulej għad narawh bħall-tiben. Ejjew nixtiequ mhux dak li hu jista’ jagħtina imma LILU.

 

Il-Ħadd it-Tajjeb

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com