Ħajti għall-Familji - Patri Frans Deguara

"Jekk nerġa nitwieled mill-ġdid nerġa’ nagħmel l-istess għażla"


40 sena saċerdot: Patri Frans Deguara OFM Conv jaqsam magħna x'inhu dak li l-aktar jagħtih ferħ fil-ministeru tiegħu ta' Saċerdot Franġiskan

 

Grazzi Mulej ta’ dak kollu li għamilt miegħi matul dan iż-żmien: mixja li waħdi ma kont nasal qatt li nagħmilha.

Għaliex għażilt lili Mulej???

It-triqat tiegħek ħadd ma jafhom.

U kultant lanqas nifmuhom.

Is-sejħa tiegħi bħala saċerdot reliġjuż nafha lilek Mulej għax dejjem int mexxejtni fit-triqat tiegħek. Int turina t-triq mingħajr ma tuża vjolenza fuqna biex nagħmlu ir-rieda tiegħek.

It-triqat t’Alla mhux dejjem ssibhom faċli jew tifhimhom. Imma hu jurik xi jrid minnek permezz taċ-ċirkustanzi li tgħaddi minnhom.  Qatt ma ddispjeċini ta’ l-għażla tiegħi bħala reliġjuż franġiskan  u jekk nerġa nitwieled mill-ġdid nerġa’ nagħmel l-istess għażla: sejħa li dejjem ħassejtha minn mindu kont  żgħir  u baqgħet tikber miegħi mingħajr ma nħares lura. U ta’ dan nirringrazzja l’Mulej talli dejjem mexxini fit-triqat tiegħu.

Matul dawn l-40 sena kelli ħidma pastorali li mhux dejjem kienet faċli. Imma l-aktar xogħol li għandi għal qalbi hi l-ħidma pastorali mal-koppji għarajjes u mal-familji li għalija huma l-bażi tas-soċjeta. Għal diversi snin mexxejt diversi korsijiet tal-għarajjes bħala preparazzjoni għaż-żwieġ nisrani. Dawn huma mmexija mill-movimet ta’ Kana li jien membru tiegħu.

Ħadt sehem f’’diversi laqgħat mal-koppji għarajjes u miżżewġin  waqt li nwettaq diversi siegħat  nagħti counselling lil  koppji li jkunu għaddejjin minn problemi familjari. Ħadt sehem f’diversi laqgħat u seminars tal-familji. Jien  ukoll wieħed miċ-Chaplains tal-gruppi familji nsara.  

L-esperjenza tgħallmek li l-familja hi sabiħa jekk tagħraf tgħixha fil-milja kollha tagħha imma fl-istess ħin mhix meħlusha mill-problemi ta’ kuljum li tgħaddi minnhom: problemi ta’ relazzjon bejn ir-raġel ul mara, ġlied, għira, piki  u problemi ta’ relazzjoni bejn ġenituri u wlied. Fl-istess ħin titgħallem li mal-ward jeżisti wkoll ix-xewk.

Xogħol ieħor importanti hu wkoll dak ta’ religious counsellor fl-iskejjel privati. L-approach mat-tfal jgħinek tagħraf is-sbuħija u l-valuri li għandhom it-tfal.

Bħala issa qed inwettaq xogħol pastorali fil-parroċċa tal-Qawra flimkien mal-komunita Franġiskana li jien nifforma parti minnha. Hawn niltaqgħu ma’ nies bi problemi, nies morda fiżikment, mentalment u spiritwalment. Ġesu’ Kristu ġie għal kulħadd. Irridu nwasslu l-messaġġ tiegħu ta’ paċi u ferħ. Is-salmista jgħid:

Int Alla sidi ħanin u twajjeb, iddum biex tgħadab, kollok tjieba u fedelta’. Il-Mulej jagħti żmien għall-indiema. Kultant Mulej inkun jien stess li nidneb għax ma narax dejjem ix-xbieha tiegħek f’dak il-bniedem batut, fqir u minsi minn kulħadd. Agħtini d-dawl biex inpoġġi lilek fuq kollox u qabel kollox. Grazzi Mulej tas-sejha li għamiltli: għinni biex din is-sejħa inkompli inwettaqha sa l-aħħar nifs ta’ ħajti.

Nispiċċa bit-talba mis-Sagramentarju Ġelasjan:

Missier etern, dawl ta’ dawk li jagħrfuk

Ħajja ta’ dawk li jħobbuk,

Saħħa ta’ dawk li jservuk:

Għinna biex nagħrfuk dejjem iżjed

U naqduk aktar mill-qalb. Bi Kristu Sidna. Amen

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com