Apoloġetika 

X’titlu hux?! Tinkwetawx mhux qed nipprova nimpressjona, almenu sa fejn naf jien! Jekk mod ieħor għiduli. Dak li għadni kif għamilt huwa propju “Apoloġetika”. Għedt li l-impressjonijiet li setgħu kien hemm fuq it-titlu ta’ dan l-artiklu mhumiex veri. Jonqos parti oħra biex l-apoloġetika tkun kompluta; nagħti raġunijiet għalxiex dan il-ħsieb tiegħi. Raġunijiet li nispera nasal nagħti matul din il-kitba.

Imma qabel xejn x’inhi l-apoloġetika? Fl-ewwel sekli tal-kristjaneżmu il-Kommunita’ nisranija, permezz ta’diversi awturi illustri kienet impenjata li turi l-kredibilita’ tal-fidi. Permezz ta’ dawn il-kitbiet, li waslu sa quddiem imperaturi u gvernaturi, l-insara kienu jiddefinixxu min huma, x’inhu posthom fis-soċjeta’ u il-għala it-tama tagħhom. Kienu, b’argumenti mirquma jiddefendu ruħhom kontra l-akkużi ta’ min ma kienx nisrani, juru kemm kienet ħaġa lloġika u inġusta il-persekuzzjoni kontrihom. Fl-istess ħin kienu jaffermaw dak is-sabiħ kollu li hemm fil-fidi nisranija. Waħda mill-aqwa kitbiet, u fl-istess ħin sempliċi hija L-Ittra lil Dijonjetu, fejn fiha l-awtur jgħid li l-insara huma: “ir-ruħ tad-dinja”. Dan kollu kien jimplika li n-nisrani jkun jaf min hu u x’inhi il-missjoni tiegħu fid-dinja.

U forsi issa mhux żmien ta’ hekk? Forsi illum in-nisrani mhux imsejjaħ jerġa’ jgħid min hu, fiex jemmen u x’inhu l-irwol tiegħu fis-soċjeta’? Żgur li Illum jinħass il-bżonn ta’ kristjaneżmu li jafferma ruħu bil-valuri posittivi tiegħu u bis-sbuħija ta’ dak li jemmen fih.

Illum bl-ebda mod ma hu żmien iktar ħażin jew agħar minn żminijiet oħra fl-istorja. L-esiġenzi imbiddlu u nkunu qed inqarrqu bina nfusna jekk ngħidu li dan mhux minnu. Li ż-żminijiet imbiddlu ilna nisimgħu, forsi ftit nisimgħu kif ser nirreaġixxu. Quddiemu in-nisrani għandu għażla; jew jgħid li s-soċjeta’ m’għadhiex li kienet imma jirrassejna ruħu u jieqaf hemm jew inkella jieħu azzjoni. In-nisrani ma jistax jibqa’ sieket meta jara diversi inġustizzji jiġru quddiemu, meta jara li entitajiet prominenti ewropej  jqisu daqs li kieku kienet ċajta bħal ngħidu aħna id-dritt tal-persuna umana li tiġi mħarsa sa mill-ewwel mumenti tat-tnissil tagħha. In-nisrani ma jistax jibqa’ sieket meta jara kif l-istorja tiġi mgħawwġa u l-kristjaneżmu jiġi meqjus bħala l-ikbar dannu għas-soċjeta’. L-insara ta’ kull żmien għamlu żbalji, iżda kien il-kristjaneżmu li bena diversi soċjetajiet b’valuri positivi. Jekk dan ma nemmnuhx aħna l-insara min ser jemmnu?! 

In-nisrani ma jistax jagħlaq ħalqu meta jara manuvri espliċiti li jagħmlu minn kollox biex ineħħu kull sinjal nisrani b’riżultat li tinħoloq dittatorija ta’ ħsieb uniku. Kemm –il darba nassisitu li f’isem il-liberta’ tal-ħsieb u l-espressjoni in-nisrani jkun imċaħħad milli jipproponi il-valuri tal-Vanġelu?

F’dan il-kuntest, b’imħabba, b’rispett u b’intelliġenza in-nisrani ma jistax jieqaf jgħid min hu u x’jemmen. Jistgħu jkunu diversi ir-raġunijiet għalfejn in-nisrani jista’ jaħsel jaqta’ qalbu milli jxandar il-vanġelu; kultant l-istess dgħjufija u inkoerenza tiegħu, imma lanqas dawn m’għandhom jaqtgħulu qalbu. In-nisrani mhux dak li hu bla dnub, imma dak li jaħdem u jaspira li jkun Kristu ieħor anke jekk hu stess għadu ma wasalx li jgħix dak kollu li jemmen. “Min hu bla dnub igara l-ewwel ġebla” kien qal l-Imgħallem! Kieku in-nisrani jieqaf ixandar il-Vanġelu għax hu midneb; kieku mill-Papa ‘l isfel iżarma kulħadd.

Papa Franġisku, fin-numru 183 tal-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium iħeġġiġna:

"L-insara kollha, anki r-Rgħajja, huma msejħa jieħdu ħsieb jibnu dinja aħjar. Fuq dan qed nitkellmu, għax il-ħsieb soċjali tal-Knisja hu qabel xejn posittiv u proposittiv, jorjenta lejn azzjoni li ġġib bidla, u f’dan is-sens ma jehdiex ikun sinjal ta’ tama ħierġa mill-qalb mimlija mħabba ta’ Ġesu’ Kristu".

F’dan il-kuntest jagħmel sens irwol tal-politiku nisrani li ma jibżax jkun sod u ċar fil-valuri tiegħu; Il-Papa fl-istess eżortazzjoni fin-numru 205 jkompli:

Nitlob lil Alla li jiżdied l-għadd ta’ politiċi li għandhom il-ħila jidħlu fi djalogu awtentiku li jfittex b’mod effikaċi li jfejjaq l-għeruq profondi u mhux biss id-dehra tal-ħażen tad-dinja tagħna”!

Żgur li s-soċjeta’ t’għada ser ikollha bżonn ta’ esperti fl-apoloġetika, li jagħrfu, jifmhu u jitrażmettu valuri ċari u sodi f’soċjeta’ li tikkuntenta bl-instant u bl-express

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com