Dħalt - Patri Edmund Tewma

40 sena saċerdot - Patri Edmund Tewma; kittieb, studjuż, direttur spiritwali fl-iskejjel, u tradduttur ta' bosta kotba u editur tal-Ħabbar ta' Sant' Antnin,  jaqsam magħna l-esperjenza ta' kif daħal mal-Minuri Konventwali u kif wasal sa riġlejn l-artal. Ad Multos Annos Frate Edmund. 
 

Dħalt fl-Ordni Franġiskan tal-Minuri Konventwali nhar id-dsatax ta’ Awwissu 1965, l-għada ta’ Santa Liena, u festa ta’ San Ludovik ta’ Anjou, Isqof Franġiskan. F’xi l-ħamsa ta’ wara nofsinhar wasal fil-kunvent ta’ Birkirkara biex hemm nibda mixja qasira ħafna ta’ probandat qabel in-novizzjat li beda fis-Sacro Convento ta’ Assisi, fis-sittax ta’ Settembru ta’ Settembru tal-istess sena. Fl-istess ħin u post daħal fl-Ordni miegħi P. Ġużepp Calleja tal-Qawra, Alla jaħfirlu. Jien u hu bqajna qisna sħab xulxin l-aktar nett meta morna Ruma għall-ispeċjalizzazzjoni. Magħna għan-novizzjat kellna wkoll lil P. Ġorġ Zammit, li kien ilu s-snin li daħal bħala probant f’Birkirkara.

Biex ma ntawwalx u ma nidħolx f’dettalji żejda, ngħid biss li l-istudji tiegħi mxew hekk: filosofija fl-INSERM, li dak iż-żmien kellu s-sede fis-sular ta’ fuq nett tal-kunvent tagħna tal-Belt; teoloġija fl-Istituto Sant’Antonio Dottore, Padova, magħruf bħala kulleġġ “San Massimo” minħabba isem it-triq li jinsab fiha. Hemm qattajt erba’ snin sħaħ. Għadni nħoss in-nuqqas tal-funzjonijiet sbieħ li kienu jsiru, u jien kont dejjem naqdi fihom, fil-Bażilka ta’ Sant’Antnin. F’Ġunju tal-1973 fil-kappella ta’ “San Massimo” ordnajt djaknu minn idejn Mons. Gerolamo Bortignon OFMCap – persunaġġ magħruf ħafna fl-istorja tal-Knisja fil-Veneto.

Fl-20 ta’ Lulju 1974, flimkien ma’ 51 oħra, qassissin dojċesani u patrijiet ta’ diversi ordnijiet, ordnjat saċerdot. Mill-Ordni tagħna, flimkien miegħi kien hemm ukoll P. Ġużepp Calleja, P. Frans Deguara u P. Arthur Saliba. B’hekk jiġi li dis-sena għalaqt 40 sena naqdi fuq l-altar tal-Mulej u nipprova nxandar il-Bxara t-Tajba... aktar iebsa tgħixha! Għalhekk minn hawn nixtieq irrodd ħajr lil Alla tal-ġid kollu li għamel miegħi  u nitolbu jgħinni biex nikkonverti.