Patri Stephen jirrakonta l-vokazzjoni u l-esperjenza tiegħu f'Londra

X’tgħidilna dwar tfulitek?

Jiena patri Franġiskan Konventwal mill-parroċċa ta’ Santa Venera, u għandi żewġ ħuti miżżewġa u bit-tfal. Nista ngħid li ġej minn familja sempliċi u l-iktar affarijiet li nibqa’ niftakar u għax nemmen li kienu jinżammu importanti huma, li konna ngħidu r-rużarju flimkien ta’ kull filgħaxija – it-talb flimkien, u s-Sibt filgħaxija konna noħorġu flimkien; qatt ma naf li morna f’restaurant, iżda konna nsibu l-ħin għalina - “quality time”.

Is-sejħa Franġiskana

Alla tani sinjali f’ħajti biex jurina liema hi triqti. Ħafna drabi kelli nbiddel ħsibijieti biex nasal għal pjan t’Alla għalija. Jien kont attiv fil-parroċċa bħala abbati, u kont nattendi l-iskola tal-patrijiet Karmelitani, hekk illum nsibuha bħala Kulleġġ San Elija. F’kelma waħda kont mitħla sewwa tal-patrijiet Karmelitani, u saħansitra għamilt ukoll esperjenzi fil-kunvent tal-Balluta. Iżda qatt ma kelli l-kuraġġ ngħid li nibqa mmur, u għalhekk fittixt affarijiet oħra f’ħajti, kont naħdem ma’ missieri, noħroġ ma’ sħabi, u anke nistudja fl-IT.

Darba fost l-oħrajn wara l-quddies tal-Ħadd, kien Bro. Laurence li saqsini meta ħa nidħol magħhom. U ngħid il-verita, iktar ġrejt ‘il barra. Iżda, dan il-leħen baqa’ jinstema’, sakemm fl-aħħar mort jien stess inkellem lil kappillan. Kien pass importanti li ma nafx fejn se jwassal. Iżda ladarba twieġeb, Alla jatik il-mezzi. U hekk, bdejt il-mixja vokazzjonali tiegħi mal-karmelitani. Kienet utli għalija biex naqta’ ħafna ħruġ żejjed, u anke nisma iktar leħen Alla. Meta Alla ġabni fejn ried, kien imiss pass ieħor, ried li nitlaq kollox u ningħaqad ma’ patrijiet oħra li lanqas kont naf li jeżistu. Din id-darba kienet aktar iebsa li naċċetta dan il-leħen, għax rasi iebsa. Iżda ladarba intreħejt fiH, kollox beda jagħmel sens. U hekk, komplejt nagħmel il-mixja tiegħi mal-Franġiskani Konventwali.

X’inhu s-sabiħ u l-ikreh ta’ din il-missjoni ma’ ħutna l-Maltin f’Londra?

Ħajjitna kollha hi mimlija b’esperjenzi li ħafna drabi ma naċċettawhomx, iżda meta wieħed jipprova jifhem li dik l-esperjenza tista tkun ta’ ġid, hemm nkunu qed nerfgħu salibna u nimxu warajH. Fl-2013 ġejt ordnat saċerdot, u kont stabilit fil-paroċċa tal-Qawra. Kont għal qalbi ħafna, minħabba li kont ngħix viċin tal-baħar u kont niltaqa’ ma’ kull tip ta’ nies. Iżda, Alla ried li jgħaddini minn għarbiel aktar fin. Wara biss sena, kelli mmur fin-nort ta’ l-Indja. Aħna l-patrijiet nemmnu li dak li jgħidlek is-superjur, dik tkun ir-rieda t’Alla, imma nistqar li għidtlu: “Fejn ġibdni Mulej?” Wara esperjenza ta’ xahar malajr biddilt ħsiebi, u erġajt mort għat-tieni darba.

Il-ħsibijiet t’Alla min jista jifhimhom! Is-superjur reġa resaq lejja, u qalli li neħtieġ immur Londra. Niftakar li għidtlu, lanqas b’vaganza ma nixtieq immur hemm, aħseb u ara ngħix hemm. Iżda ladarba hemm il-bżonn, immur. U hekk għamilt, issa ilhni sena u nofs nati s-servizz tiegħi qalb ħutna l-Maltin, li jitilgħu Londra bħala pazjenti għax ma jkunx hemm kura għalihom Malta. Nemmen, li hija kariżma tagħna l-Franġiskani, għax anke missierna San Franġisk kien jersaq qrib il-batut u l-marid. San Franġisk ma kienx biss idewwi u jgħin lill-lebbrużi iżda għal perjodi twal kien jgħix magħhom, u kien jaqsam magħhom kollox, kull aspett u kull mument ta' dik il-miżerja. U jħobbhom daqslikieku ħutu. It-tbatija għal fqajjar ta' Assisi issir mezz ta' purifikazzjoni u qdusija; don minn Alla milqugħ bi gratitudni u disponibilita' kbira.

U hekk, jien flimkien ma’ patri ieħor, nagħmlu mill-aħjar biex dawn il-morda nħobbuhom daqs li kieku huma ħutna, u hekk inkunu disponibli għalihom u noffrulhom kull sapport li jinħtieġu, speċjalment dak spiritwali. Għalkemm, ngħixu t-tbatijiet magħhom, għax niltaqgħu ma’ ħafna mard u ġieli ma jkunx hemm tama ta’ kura, iżda fija s-sabih tagħha li hawnhekk nibnu relazzjonijiet kemm mal-pazjenti kif ukoll mal-qraba tagħhom u flimkien nkabbru l-fidi tagħna f’Alla imbierek.

Għeżież ħuti, anke jekk hemm il-falliment, imma l-aktar ħaġa importanti hi meta l-bniedem jiltaqa’ u jagħmel esperjenza vera t’Alla. Alla jatikom is-sabar, u l-paċi f’qalbkom.

Fr Stephen Borg OFM Conv.

 

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com