Professjoni Solenni Fra Allister Aquilina

Int għalija l-uniku Ħelsien, Għana u Ferħ!

Kont ilni nistenniha! Kont ilni nipprepara għaliha! Fl-aħħar waslet: il-Professjoni Solenni fl-Ordni tal-Patrijiet Minuri Konventwali. Lejlietha ma tantx irqadt u l-jum ta’ qabel mhux b’inqas ukoll. Bħal donni ma ridtx nemmen dak li kien qiegħed jiġri; dak li Alla kien qiegħed jagħmel miegħi. Qalbi kienet mimlija bil-ferħ. Ħassejt verament li l-motto li kont għażilt: “Dan hu l-ferħ li bih qalbi mtliet” (Ġw 3: 29b), kien tassew qed jieħu l-ħajja fija. U dan kollu bi grazzja tiegħu!

Nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Awwissu 2015 fis-6.00pm fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl ir-Rabat jiena Fra Allister, żagħżugħ Rabti ta’ 25 sena, tlabt lill-Ministru Provinċjal tiegħi biex f’isem il-Knisja jilqa’ talbi “li nimxi fuq it-tagħlim u l-passi ta’ Sidna Ġesù Kristu u li ningħaqad għal dejjem f’din l-għaqda ta’ aħwa biex nipprofessa sal-mewt, b’ħidma qaddisa, il-ħajja u r-Regola tal-Ordni tal-Minuri Konventwali.” Dan l-att jissejjaħ Professjoni Solenni.

Dakinhar fi klima ferriħja, familjari u parteċipattiva bejn il-patrijiet, il-qassisin u l-poplu ta’ Alla, ġeddidt ir-rieda li ngħix b’mod radikali l-Magħmudija billi b’ġenerożità ħallejt lil Alla Trinità jikkonsagrani għalih b’mod “Solenni”, jiġifieri għal tul iż-żmien ta’ ħajti kollha. Fuq l-eżempju ta’ Kristu ubbiddjenti, fqir u kast u ta’ Missieri San Franġisk intrabat li ngħix fl-ubbidjenza, bla xejn tiegħi u fis-safa. Dawn it-tliet Kunsilji Evanġeliċi ma jridux jindikaw “ċaħda minn” – kull stil ta’ ħajja jitlob “ċaħda minn” – imma impenn favur il-ħajja – “li ngħix” – billi nħalli lil Alla l-Missier qaddis li jista’ kollox isir għalija l-uniku Ħelsien, Għana u Ferħ. Hekk l-Ispirtu s-Santu jagħmel mir-reliġjuż sinjal tas-sema fuq din l-art.

Għaldaqstant inħeġġek biex tkompli titlob għalija. Lill-Mulej Alla għandna rroddulu ħajr ta’ din il-vokazzjoni: vokazzjoni “reliġjuża” b’din il-Professjoni Solenni kif ukoll “saċerdotali” bl-Ordinazzjoni Djakonali u Presibterali fiż-żmien li ġej. Iżda fuq kollox nitolbuh biex aktar żgħażagħ ma jibżgħux jgħidu l-“iva” tagħhom għas-sejħa tiegħu.

Fra Allister M. Aquilina OFMConv.

Santwarju tal-Madonna tas-Saħħa

ir-Rabat

 

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com