San Franġisk u l-mewt 

 

“Mulejja, tkun imfaħħar f’oħtna l-Mewt tal-ġisem, li minnha ebda ħaj ma jista’ jaħrab. Ħażin għal dawk li jmutu fid-dnubiet il-mejta. Imbierka dawk li l-mewt issibhom jagħmlu r-rieda mqaddsa tiegħek”. (mill-Għanja tal-Ħlejjaq).

                                                                                                                                                                                                           

Stramba li San Franġisk fit-tmiem tal-Għanja tal-Ħlejjaq, wara li jagħmel lista tal-ħlejjaq u jfaħħar ‘l Alla permezz tagħhom jsellem ukoll lill-mewt. Il-Mewt li mhijiex kreatura ta’ Alla iżda hija biss konsegwenza tad-dnub tal-bniedem. X’inhi r-raġuni għaliex Franġisku jsellem lill-mewt? Franġisku l-bniedem għaref, il-bniedem mgħoni bid-don tal-għerf kien kapaċi jaqra kollox b’lenti ta’ fidi. Kien kapaċi jifhem li l-mewt kellha biss twasslu iktar qrib Alla. 

B’differenza minna, Franġisku ma kienx jibża mill-mewt għax kienet ser tifridna minn dawk li nħobbu, iżda dak li kien ibeżgħu mill-mewt kien il-fatt li setgħet issibna maħniex nagħmlu r-rieda ta’ Alla. Għalhekk Franġisku quddiem din il-biżgħa kien jinfexx jippriedka l-penitenza, li għall-Franġisku kellha sinifikat partikolari jiġifieri konversjoni kontinwa.

Franġisku kellu żewġ meżżi fundamentali li bihom kien jipprepara ruħu għall-mewt u jistieden lilna nitgħallmu minnu. Il-Bniedem quddiem il-biżgħa tal-mewt jagħmel minn kollox biex jigranfa ma kull ma jsib. Il-kilba tal-bniedem biex jaħtaf u jġemmgħa kollu ġej mill-biżgħa tal-mewt. Quddiem din il-biżgħa Franġisku jagħżel il-faqar. Dak il-meżż li jħallik tiddependi biss fuq il-provvidenza ta’ Alla. Dak il-meżż li jkabbar fina l-fiduċja f ’Alla. Biex wieħed ikollu fiduċja f ’Alla wieħed ikollu jikber fil-konvinżjoni tal-imħabba infinita' li Alla għandu għalih.

Għalhekk it-tieni meżż li Franġisku juża kontra l-biżgħa tal-mewt hija dik il-konvinzjoni fl-imħabba ta’ Alla. Mhux ta b’xejn li fuq is-sodda tal-mewt Franġisku jbierek, jaqsam u jqassam il-ħobż lill-patrijiet tiegħu, b’tifkira tal-aħħar ikla fejn Ġesu’ wriena l-quċċata l-aktar għolja ta’ Alla. Mhux ta b’xejn li fuq is-sodda tal-mewt Franġisku jitlob lill-patrijiet biex jaqrawlu s-silta tal-passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu, l-grajja unika li tfakkarna fl-imħabba infinita’ ta’ Alla. Grajja ta’ mħabba tant mnaqqxa f ’moħħ u qalb il-qaddis li saħansitra stampat ġismu bis-sinjali tal-pjagi. Mħabba infinita’ li fakret kontinwament lill-Franġisku li l-imħabba ta’ Alla hija aqwa mill-mewt u hija l-aħħar kelma. Imħabba infinita’ ta’ Alla li ma setgħetx tħalli lill-maħbub tagħha fil-qabar.

Quddiem din il-konvinzjoni kollha Franġisku jilqa’ l-mewt bħala oħtu. Jilqagħha bil-kant u jistiedem lill-ħutu l-patrijiet ikantaw miegħu u jiċċelebra wkoll bil-ħelu preferut tiegħu mħejji mill-benefattriċi tiegħu is-sinjura Jacopa dei Settesoli u li wera’ x-xewqa li jduq, ftit ġranet qabel ma miet minn fuq is-sodda tal-mewt.

P. Arthur Cutajar OFM Conv

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com