X’inhi Kuxjenza? Fr. Josef Pace OFM Conv

Il-Kuxjenza qisha GPS ta’ karozza: dak il-leħen li jgħidlek fejn għandek tmur u fejn għandek tasal. Xi kultant dan il-leħen tħossu tedjanti u jdejqek saħansitra titfilu biex issuq fil-kwiet. Biss meta tgħaddi mit-toroq li m’intix midħla tagħhom u tagħżel li ma tobdix dak il-leħen tal-‘GPS’ tissogra li tintilef u mbagħad jiddispjaċik!

Hemm diversi interpretazzjonijiet ta’ x’inhi kuxjenza. Hemm min jgħid li hi l-vuċi ta’ Alla fina li tgħidilna x’għandna nagħmlu. Hemm min jgħid li hija sentiment personali li tħoss x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Hawn min, imbagħad, min-naħa l-oħra, ma jemminx fil-kuxjenza.

Mela x’nifhmu b’kuxjenza?

Inħarsu ftit lejn il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika u naraw x’definizzjoni jagħtina ta’ kuxjenza: “Fil-fond tal-kuxjenza tiegħu, il-bniedem jintebaħ b’liġi li ma tahiex hu lilu nnifsu, imma jrid jobdiha u leħinha jidwi dejjem f ’waqtu f ’widnejn qalbu, jgħidlu biex iħobb it-tajjeb u jagħmlu, u jżomm ruħu lura mill-ħażin… Hi liġi li l-bniedem għandu f ’qalbu minquxa minn Alla. Il-kuxjenza hija ċ-ċentru l-aktar intimu u l-aktar sigriet tal-bniedem, is-santwarju fejn il-bniedem hu waħdu ma’ Alla u fejn Alla jsemmagħlu leħnu” (KKK 1776). Il-Katekiżmu jitkellem dwar il-kuxjenza bħala liġi. Kif nafu, hemm diversi tipi tal-liġi. Hemm dik morali naturali, dik legali, dik ekkleżjastika u dik divina.

Meta nitkellmu dwar il-liġi morali naturali nkunu qegħdin nifhmu dik il-liġi li tinsab f ’kull bniedem li permezz tar-raġuni jagħżel dak li hu tajjeb u jevita dak li hu ħażin. Infatti, fil-Katekiżmu nsibu li l-liġi naturali hi: “miktuba u mnaqqxa fir-ruħ ta’ kull bniedem u tal-bnedmin kollha, għaliex hi r-raġuni tal-bniedem li tmexxih biex jagħmel it-tajjeb u ma tħallihx jagħmel il-ħażin” (KKK 1954).

Jeżistu tliet dimensjonijiet ta’ kuxjenza morali:

1. Dik magħrufa bħala synderesis jiġifieri dik il-kuxjenza li tħaddan l-għarfien tal-prinċipji tal-moralità. Nistgħu ngħidu li hija dik il-liġi naturali li tgħidlek tagħmel it-tajjeb u tevita l-ħażin.

2. Imbagħad hemm dik li tagħti ġudizzju fuq għażliet, permezz tar-raġuni prattika. Din id-dimensjoni tal-kuxjenza tapprova dawk l-azzjonijiet li huma tajbin, u tikkundanna dawk li huma ħżiena. Hawnhekk tidħol il-virtù tal-prudenza fl-għażliet li wieħed jagħmel.

3. Fl-aħħar nett, il-kuxjenza morali hi ġudizzju tar-raġuni, li bih il-persuna umana tagħraf il-moralità ta’ xi att li tkun sa tagħmel, jew qiegħda tagħmlu jew ġa għamlitu. Prattikament hija gudizzju fuq azzjonijiet konkreti li nkunu sa nagħmlu jew li diġà għamilna (KKK 1777 – 1778).

Għall-iktar tagħrif: 

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com