San Franġisk, int u l-falliment

21.02.2017 22:37

Bħalissa għall-ħafna studenti huwa żmien l-eżamijiet u għalkemm żmien l-eżamijiet iġib miegħu xi ftit tensjoni; jkun għad jonqos tensjoni oħra; dik tar-riżultati. M’hemmx għalfejn ngħidu li ħadd  ma jieħu gost b’xi ‘F’. Fail hija kelma li ma toġgħob lil ħadd, imma dik l-‘F’ tista’ tkun okkażżjoni ta’ ‘F’ oħra – Future. Il-falliment fil-ħajja jista’ jkun okkażżjoni ta’ futur isbaħ u iktar ħieles. Din kienet l-esperjenza ta’ Franġisk t’Assisi. Il-fqajjar t’Assisi jibqa’ mudell għal-kull żmien għax huwa qaddis fallut!  

Franġisku, sa miż-żgħożija tiegħu, jibda jiskopri li Alla biss jibqa’ għal dejjem. B’dak li Alla għaddieh minnu jibda jinduna li xejn ma hu etern. Hu li kien tant iħobb il-liberta’ jispiċċa sena fil-Ħabs ta’ Perugia, hu b’saħħtu jispiċċa marid. Hu li jrid jaqdi sidien umani biex minnhom jieħu prestiġju, fil-ħolma ta’ Spoleto jinduna li qed jaqdi biss qaddejja u mhux sidien.

Bħal donnu San Franġisk jibda jagħmel esperjenza tal-Ħniena ta’ Alla meta jsib ruħu fil-bżonn u meta xejn iktar ma jibqa’ jissodissfa iktar il-bżonnijiet tiegħu. Il-bidla tiegħu tibda mill-fatt li jħoss ruħu fil-bżonn. Meta jiġi konxju li huwa fil-bżonn jibda jinduna li hu mhux waħdu li jħossu hekk; hemm oħrajn madwaru li huma wkoll bħalu qed jittalbu karita’. Hu kien qed jittallab karita’ lill-liberta’ tiegħu, kien qed jittallab karita’ lil saħħtu, kien qed jittallab karita’ lis-sidien ta’ din l-art. “Imma x’jiswa l-iktar Franġisk li taqdi lis-Sid jew lill-Qaddej”? Jinduna li dawk kollha li lilhom kien qed jitlobhom karita’ ma setgħu qatt jagħtuh dak li kien qed jitlob!

Wara l-ħolma ta’ Spoletu, jibda jinqata’ waħdu. Din l-esperjenza ta’ tallab, ta’ xi ħadd li jitlob il-ħniena ġegħlitu jkun solidali ma’ min kien tallab. Il-Leġġenda ta’ Tre Compagni tgħidilna li ma beda jiċħad xejn lill-foqra. Qatt ma kien jibgħat fqir b’idejh vojta. Kien iħejji ikliet kbar biex imbgħad jagħti l-ikel lill-foqra. Ommu bdiet tinkwieta. L-esperjenza tat-tallab, wara l-ħolma ta’ Spoletu tant iħossu jidentifika ruħu magħha li jrid isir tallab hu ukoll. Jgħidulna it-Tre Compagni: “Tant kien imbidel bil-grazzja Divina, li meta kien għadu sekular, kien jixtieq li jmur f’Belt oħra, fejn ħadd ma jkun jafu, u hemm ineħħi ħwejġu u jibdilhom ma’ dawk ta’ bniedem fqir, u jipprova jittallab il-karita’ għall-imħabba t’Alla[1].

Franġisk jiskopri li hu jista’ jimtela meta jagħti u ma jirċievi xejn lura. Sakemm baqa’ jemmen li xi ħadd jista’ jimlielu ħajtu daqs kemm xtaq hu, ma setax iħoss l-imħabba ta’ Alla li hi ta’ xejra ħafna differenti.

Hemm żewġ esperjenzi oħra ta’ Franġisku li jgħinuna nindunaw li xejn ma kien iktar jimlielu qalbu! Tgħidilna il-Leggenda ta’ Tre Compagni:

Wara ftit jiem li reġa lura Assisi, lejl minnhom sħabu għażluh bħala mexxej biex, skond kif kien jidhirlu, iħallas l-ispejjeż kollha tagħhom. Hu ħejja ikla mill-ifjen, kif kien imdorri jagħmel fl-imgħoddi. Meta ħarġu mid-dar imxebbgħin sa ruħ ommhom bl-ikel u bl-imbid, kemm hu kif ukoll sħabu bdew iduru mat-toroq tal-belt ikantaw, u hu kellu f’idu l-bastu jew xettru tal-uffiċċju tiegħu bħala mexxej tal-kumpanija, imma beda jibqa’ kemmxejn warajhom, imma ma kienx ikanta imma kien jidher ħosbien ħafna. U hekk hu li f’daqqa waħda żaru l-Mulej, u tant imlielu qalbu bil-ħlewwa li ma kienx kapaċi jitkellem jew jiċċaqlaq. Xejn aktar ma kien jiswielu jħoss jew jisma’ ħlief din il-ħlewwa, li begħditu minn kull sens tal-pjaċir tal-ġisem tant, li kif jgħid hu nniffsu iktar tard, kieku dak il-ħin kellhom iqattgħuh bċejjeċ, ma kienx ikun jista’ jiċċaqlaq[2].

Esperjenza oħra affettiva li tagħmlu iktar tallab hija l-famuża spoljazzjoni li jagħmel quddiem il-Vescovato ta’ Assisi. Franġisk iħoss li anqas missieru ma jista’ jissodissfa t-talbiet tiegħu: “S’issa sejjaħ lilek Pietru di Bernardone bħala missieri, mill-lum ‘il quddiem ngħid: ‘Missier illi inti fi smewwiet”.

U propju Alla hekk jaħdem magħna; ineżżgħana minn kollox biex jurina li aħna fil-bżonn. San Franġisk huwa qaddis kbir għax huwa bniedem fallut. Jien ninduna verament min jien meta nfalli; meta ħadd u xejn ma jibqa’ jagħtini dak li qed nitolbu; meta saħħti tħallini, meta jeħduli l-liberta’, meta l-psewdo sidien jgħadduni bi żmien. Hemm ninduna li jien ukoll tallab. Meta għandi kollox; ċapċip, flus, sodissfazzjon hemm qajla ninduna li għandi bżonn nitlob xi ħaġa li tibqa’ għall-dejjem. Meta nfalli; meta mmiss il-qiegħ, hemm ninduna li hemm xi ħadd li jista’ jagħti tweġiba lix-xewqat profondi tiegħi. Dan jiġri anke fi dnub. Kultant rrid immiss il-qiegħ biex ninduna li xejn ma jissodissfa lil ruħi. X’inhu d-dnub, jekk mhux il-gidba, li teżisti xi ħaġa oħra li mhix Alla li tista’ tagħtini ftit ferħ? Xi ħaġa li mingħalija tista’ tissodissfali il-leblieba li għandi li nkun maħbub. Meta mmiss il-qiegħ verament nkun nista’ ngħid: “Minn qiegħ l-art insejjaħlek Mulej, isma’ Sidi l-leħen tiegħi, ħa jkunu widnejk miftuħa jien u nitolbok bil-ħniena, jekk tal-ħtijieti int tagħti kas Mulej, Sidi min jista’ jżomm sħiħ, imma għadek hemm il-maħfra biex hekk inqimuk għal dejjem”. (Salm 130).

U din hi liberta’!

________________________________________

[1] Leggenda dei Tre Compagni, Cap 3.

[2] Ibid. 

 

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com