San Franġisk il-bniedem dgħajjef

San Franġisk huwa dak li jaf li l-isem t’Alla huwa Ħniena għax kien hu l-ewwel wieħed li għamel esperjenza tagħha. Hu stess jgħid li għamel esperjenza ta’ dnubiet. Jgħidilna fi Testment : “Meta jien kont għadni ngħix fi dnub...”. Franġisk jaf lilu nniffsu u jaf li hu dgħajjef. Jgħidulna il-bijografi: “beda jġib quddiem għajnejh u jitnikket fir-ruħ tiegħu għall-dawk is-snin kollha li fihom għex fil-ħażen...”

Il-Missier imqaddes Franġisku kien jimtela ta’ kuljum bil-faraġ u bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu. Kien jitħabat biex jisgħar fuq uliedu l-ġodda u jiffurmahom permezz ta’ prinċipji ġodda, sabiex jimxu bil-fedelta’ u b’pass deciż fit-triq tal-faqar imqaddes u tas-semplicita’ ħienja. Jum minnhom, waqt li kien mimli bl-istagħġib għall-ħniena tal-Mulej u għall-benefiċċji kollha li xerred fuqu, kien jixtieq jagħraf mingħand il-Mulej x’kellu jiġri minn ħajtu u minn dik tal-aħwa. Għaldaqstant twarrab, kif soltu kien jagħmel f’post xieraq għat-talb. Hemmhekk dam għal żmien twil jitlob bil-biżgħa u tregħid lil Dak li kien jaħkem id-dinja kollha, u beda jġib quddiem għajnejh u jitnikket fir-ruħ tiegħu għal dawk is-snin li fihom għex fil-ħażen, filwaqt li beda jtenni dawn il-kelmiet: O Alla, ħenn għalija, il-midneb. Bil-mod il-mod beda jħoss il-ġewwieni tal-qalb tiegħu jimtela b’ferħ li ma jitfissirx u bi ħlewwa liema bħalha. Beda donnu ħiereġ minnu nniffsu, u n-niket u d-dlam li kienu nġemgħu f’ruħu minħabba il-biżgħa tad-dnub, għebu għal kollox. Fih innifssu beda jħossu żgur li kien maħfur mill-ħtijiet kollha tiegħu u li kien qed jgħix fi stat ta’ grazzja. Imbgħad donnu nħataf barra minnu nniffsu, u ġie meħud f’dawl kbir, li kien jinfirex u jdawwal ir-ruħ tiegħu, u hemmhekk seta’ jikkontempla l-ġejjieni tiegħu bil-liberta’. Meta dak id-dawl u dik il-ħlewwa bdew jonqsu, hu ħass li kellu Spirtu mġedded, hekk li mbidel fi bniedem ġdid u deher minnbarra bħala bniedem ieħor[1].

L-esperjenza ta’ dnub għalih hija ħaġa magħrufa. Huwa jaf li anke issa li ta’ ħajtu lill-Mulej Ġesu’ xorta għadu midneb, kif jistqarr fl-Ittra lill-Ordni kollu:   

Barra minn dan, nistqarr dnubieti kollha lill-Mulej Alla, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, lill-Imqaddsa Marija dejjem Vergni u lill­-qaddisin kollha fis-sema u fl-art, lil hija Elija, ministru ġeneral ta’ l-Ordni bħala sid meqjum tiegħi, lis-saċerdoti kollha ta’ l-Ordni tagħna u lil ħuti kollha, imberkin. Offendejt lill-Mulej b'ħafna modi bin-nuqqasijiet kbar tiegħi, l-aktar meta ma ħaristx ir-Regola li wegħidt lill-Mulej, u li ma ċċelebrajtx il-Liturġija tas-Sigħat kif hemm miktub fir-Regola, jew minħabba t-traskuraġni jew minħabba d-dgħufija tiegħi, jew inkella ghax jien injorant u gifa[2].

San Franġisk huwa konxju tad-djufija tiegħu. Imma jagħmel l-esperjenza tal-indiema. L-esperjenza tal-indiema sseħħ meta wieħed jagħraf li anke fid-dnub tiegħu mhux waħdu, imma hemm Alla li jibqa’ jħobb. L-indiema hija esperjenza ta’ sofferenza wkoll; l-indiema mhix aljena għall-fatt li l-persuna tkun konxja tal-konsgwenzi tad-dnub tagħha, imma fl-istess ħin hija esperjeza li fiha Alla jibqa’ juri li anke l-midneb mhux mitluf, li anke il-konsegwenzi tad-dnub Alla jista’ jbiddilom fi grazzja. Xejn xejn, id-dnub li minnu wieħed ikun nidem jagħmlu iktar sensibbli għall-fraġilita’ ta’ ħutu. L-esperjenza tad-dnub personali u l-indiema għandha tiġġenera ħarsa ta’ ħniena fuq id-djufija tal-oħrajn. Propju dik il-kapaċita’ li kif jgħidilna il-Fqajjar t’Assisi fir-regola mhux bullata:

Ħalli l-aħwa kollha, kemm il-ministri u qaddejja u kemm l-oħrajn, joqogħdu attenti li ma jitfixklux minħabba d-dnub jew il-ħażen ta’ ħaddieħor, għax ix-xitan jixtieq iġarraf lil ħafna minħabba l-ħtija tal-oħrajn.  Imma ħalli jgħinu spiritwalment lil dak li jkun dineb, mill-aħjar li jistgħu, għax mhux dawk li huma f'saħħithom, imma l-morda jeħtieġu t-tabib[3]!

Imma biex nagħmel l-esperjenza li twassalni nkun ħanin mal-oħrajn l-ewwel irrid nagħmel l-esperjenza li nħossni maħbub minn Alla l-Missier. Il-Missier kif rrivelah Ġesu’ Kristu. Hija esperjenza li tqanqalni nfaħħar lilU għax għal dejjem il-Ħniena tiegħu. Meta jien niskopri li jien maħbub anke fi djufija tiegħi nista’ nkanta miegħu: “Hu ħalaqna u fdiena u jeħlisna biss għall-ħniena tiegħu. Hu għamel u jibqa’ jagħmel kull ġid lilna msejkna u magħkusa, imħassra u nintnu, bla qalb u ħżiena”. [4]

Miegħu nistgħu inkantaw fit-tifħir tal-Alla l-għoli:  “Int it-tama tagħna, int il- fidi tagħna, int l-imħabba tagħna, int il-ħlewwa kollha tagħna, int l-ħajja bla tmiem tagħna, kbir u tal-għaġeb, Mulej Alla li tista’ kollox, Feddej tal-ħniena”[5].

______________________________________________________

 

[1] Tommaso da Celano, “Vita Sancti Francisci”, Cap 11.

[2] San Franġisk t’Assisi, Ittra lill-Ordni Kollu, 38.

[3] San Franġisk t’Assisi, Regola mhux Bullata, Cap 5.

[4] San Franġisk t’Assisi, Regola mhux Bullata, Cap 23.

[5] San Franġisk t’Assisi, Tifħir ta’ Alla l-Għoli.

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com