San Franġisk u l-Ħarsien tal-Qalb

   Bdejna żmien l-Avvent u Ġesu’ fil-Vanġelu spiss jgħidilna biex nishru. Għalfejn għadna nishru? Għadna nishru għax spiss f’qalbna jistgħu jitrabbew jew jidħlu affarijiet li ma jħalluniex ħielsa. Spiss ma jkollniex idea ċara dwarna nfusna u il-għala ta’ għemilna. Spiss ma nkunux nafu x’inhu dak li vera qed iħeġġiġna; nistgħu naħsbu li qed nagħmlu xi ħaġa għall-glorja t’Alla imma fil-verita’ nkunu qed nagħmluha biss għall-glorja tagħna nfusna.  

San Franġisk t’ Assisi fit-Twissijiet, li huma grupp ta’ 28 diskorsi qosra li San Franġisk indirizza lil aħwa jgħina ngħassu fuq qalbna sabiex naraw x’inhuma l-motivazzjonijiet u l-intenzjonijiet li jgħammru fiha u x’qed imexxina fid-deċiżjonijiet tagħna. 

San Franġisk jħeġġiġna naraw il-valur tiegħi minn fejn hu ġej. Ġej minni nniffsi jew minn Alla? Naf li jien niswa’ quddiemu, jew infittex biss l-apprezzamneti tal-oħrajn? Fi twissija nr 5. San Franġisk irid jurina li l-valur tagħna għandu biss jiġi minn Alla u mhux mill-opri tajba li aħna nagħmlu.   

“Biex, għalhekk, tista’ tiftaħar? Anki li kien tant jilħaqlek u għaref, u kellek il-għerf kollu (1Kor 13:2), u taf tfisser l-ilsna kollha (1Kor 12:28), u tgħarbel il-ħwejjeġ tas-sema b’tant sengħa, ma kienx ikollok biex tiftaħar; Għax anki jekk wieħed jirċievi mingħand il-Mulej għerf speċjali ta’ l-ogħla għerf, Xitan wieħed, jaf dwar il-ħwejjġ tas-sema, u  jaf aktar dwar il-ħwejjeg ta’ l-art, aktar mill-bnedmin kollha.

Bl-istess mod, jekk inti aktar gustuz u għani minn kull wieħed ieħor, anki kieku kellek tagħmel il-mirakli u tagħmel li x-Xitan jaħrab: dawn il-ħwejjeġ kollha jkunulek ta’ ħsara, xejn m’hu tiegħek, u ma tista’ tiftaħar b’xejn b’dawn il-ħwejjeġ. 

Imma nistgħu niftaħru b’ħaga waħda biss: b’dak li hu dgħajjef fina (2Kor 12:5), u li nġorru kuljum is-salib tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu (Lq 14,27). 

San Franġisk għandu l-biżgħa li l-bniedem, b’mod iktar speċifiku l-Patri Minuri jsir sid tal-għemejjel tajba tiegħu, jew inkella tal-ispirazzjonijiet divini li Alla jista’ jirregaralu. Jekk wieħed isir proprjetarju tal-opri li huwa jagħmel, jew ta’ dawn l-ispirazzjonijiet, allura bi dritt jistenna ħlas; materjali jew permezz ta’ kliem ta’ tifħir li jagħtuh l-oħrajn. Allura, wieħed faċilment jitlef l-umilta’ u anke jekk ma jkollu xejn bħala affarijiet u oġġetti jibda jibni ħajtu fuq l-apprezzament li jagħtuh l-oħrajn. Propju għalhekk li fi twissjija 28 jipproponi li għadna naħbu t-tajjeb biex ma nitilfuhx.

Ħieni l-qaddej li jaħżen fis-sema (Mt 6,20) l-ħwejjeġ li l-Mulej ikun għarrfu u li ma jkunx jixtieq li jurihom lill-oħrajn bil-ħsieb li jikseb xi ħlas għax l-Aktar Gholi nnifsu jgħarraf l-għemejjel tiegħu lil min jogħġob Lilu. Ħieni l-qaddej li jhares is-sigrieti tal-Mulej f’qalbu (Lq 2,9.51)!

Franġisku jkompli jisħaq dwar dan fi twissija 12. Hawn huwa jitkellem dwar kif jingħaraf l-Ispirtu tal-Mulej.

Il-qaddej ta’ Alla jingħaraf jekk għandux l-Ispirtu tal-Mulej minn dan: jekk il-Mulej jagħmel xi ħaġa permezz tiegħu hu jibqa’ ma jitkabbarx bih innifsu, għax il-ġisem jeħodha dejjem kontra dak kollu li huwa tajjeb imma jqis lilu nnifsu bħala qaddej li ma jiswa’ għal xejn, u jżomm ruħu anqas mill-oħra kollha.

San Franġisk jafferma li dak kollu li għadna ġej mill-Mulej; mhux opra tagħna imma opra tiegħu. Hawn San Franġisk jistedinna biex ma nibqgħux aħna iċ-ċentru tal-attenzjoni imma jsir Hu. Dan huwa ta’ benefiċċju gall-istima tagħna nfusna. Jekk jien nemmen li Alla biha ser jagħmel xi ħaġa sabiħa allura, ċert li l-ftit li għandi jien ser ikun imsaħħaħ mill-ħafna ta’ Alla. Barra minn dan, ngħix iktar seren għax ma nkunx dejjem f’ġirja għall-apprezzament. Jista’ jiġrili naqta’ nifsi niġri u nittallab għall-approvazzjoni tal-oħrajn. Jekk jgħiduli ‘prosit’ nkun ferħan, u jekk imaqqdruni nkun imdejjaq. Ħajja ta’ din ix-xorta ssir intollerabbli għax nispiċċa nitkelljjel dejjem bir-riga ta’ ħaddieħor, mentri kif jgħid l-istess Franġisku: “Il-bniedem jiswa’ daqs kemm jiswa’ quddiem Alla u xejn iktar”. 

Fi Twwissija nr. 7 Franġisk jgħidilna li aħna m’għandniex nieħdu vantaġġ minn kemm nafu. Għal darb’oħra Alla huwa l-propjetarju tal-opri tajba. Il-kejl tal-effikaċja ta’ kliemi mhux f’kemm jirnexxieli nsaħħar nies b’dak li ngħid, imma kemm dak li ngħid nemmnu u qed nipprova ngħixu. Anke, jekk dak li nippriedtkaw mhu qatt ser ngħixuh mija fil-mija għax bħala bnedmin aħna dejjem xi ftit jew wisq inkoerenti, imma hemm tentazzjoni qawwija ħafna, li s-suċċess f’dak li ngħid, iġifieri kemm jien kapaċi nfisser tajjeb il-Kelma, jibda jilludini li jien qed ngħix dak li nippriedka. Nibda b’xi mod naħseb li għax qaluli prosit ta’ kelma tajba, qed jgħiduli prosit ta’ ħajti kollha. Ir-realta’ mhux hekk. Forsi vera kapaċi nikkonvinċi, imma dan ma jfissirx li jien neċessarjament kapaċi ngħix dak li qed nipprriedka. Hemm tentazzjoni oħra sottili ukoll; li jien għax inwassal il-Kelma b’mod konvinċenti nibda naħseb li nista’ nesiġi minn ħaddieħor li jgħixa kif inkun priedkajta jien. Nibda naħseb li għax qed nippriedka, qed ngħix, u għax naħseb li qed ngħix, ħaddieħor irid jgħix bħali. L-assunnzjoni ħażina fil-bidu, twassal żgur għal-riżultati żbaljati. 

Jgħidilna San Franġisk li l-għerf għandu jkun imsieħeb mill-għemejjel tajba.

L-Appostlu jgħid: L-ittra toqtol, imma l-ispirtu jagħti l-ħajja (2Kor 3:6). 

Huma maqtula mill-ittra dawk li jixtiequ biss li jkunu jafu l-kliem biex hekk ikunu miżmumin b’nies aktar għorrief mill-oħrajn, u jkunu jistgħu jiksbu ġid kbir ħalli jkollhom xi jagħtu lil qrabathom u lil hbiebhom. 

U dawk ir-reliġjużi huma maqtula mill-ittra li m’humiex lesti jimxu skond l-ispirtu ta’ l-ittra divina, imma jixtiequ biss ikunu jafu l-kliem u kif ifissruh lill-oħrajn. 

Imma huma mogħtija l-ħajja mill-ispirtu ta’ l-ittra divina dawk li ma jiħdux vantaġġ mill-kliem li jafu jew jixtiequ jkunu jafu, għall-ġisem, imma li bil-kelma u bl-eżempju, jagħtu kollox lura lill-Mulej Alla l-Aktar Gholi, għax kull ma hu tajjeb huwa tiegħu. 

Meta wieħed jibbaża ħajtu fuq l-apprezzament li jiġi mill-prosit u l-grazzi faċli ħafna li meta jiskopri li xi ħadd huwa aħjar minnu, jaqa’ fi dnub tal-għira. Fi twissija nr. 8 San Franġisk jagħmilna konxji dwar dan. Id-dnub tal-għira huwa essenzjalment falliment li nara t-tajjeb li Alla jagħmel fija u nikkonċentra biss fuq it-tajjeb ta’ ħaddieħor. Għal darb’oħra l-iżball huwa li nkejjel b’riga ħażina. Infatti, jikteb Franġisku: 

-Appostlu jgħid: Ħadd ma jista’ jgħid: "Ġesù hu l-Mulej" jekk mhux imqanqal mill-Ispirtu s-Santu (1Kor 12:3). 2. U: ħadd ma hemm li jagħmel is-sewwa, lanqas biss wieħed (Salm 53:4)!

Għalhekk, kull min jgħir għal huh minħabba t-tajjeb li l-­Mulej jgħid jew jagħmel fih, ikun ħati tad-dnub tad-dagħa, għax hu jkun qed jgħir għall-Aktar Għoli nnifsu (Mt 20:15), li jgħid u jagħmel it-tajjeb kollu. 

San Franġisk, tant irid li d-dixxipli tiegħu jkunu liberi li jistedinhom li meta jagħmlu t-tajjeb, jagħmluh ma’ min ma jista’ jroddilhom xejn lura. Bil-proposta tal-faqar, Franġisk irid jifforma nies ħielsa. Din hija r-regola, jew ir-riga tal-liberta’, li nitgħallem ma nistenna xejn; għall-Franġisku din hi l-imħabba vera. Propju għahekk fl-24 twissija jikteb:

Ħieni l-qaddej li jħobb lil ħuh, meta dan ikun marid u ma jistax ipattilu dak li jagħmel miegħu, daqskemm iħobbu meta jkun f’saħħtu u jkun jista’ jpattilu għall-gid.

   

 

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com