Atteġjamenti meħtieġa biex isir dixxerniment tajjeb 4

Stennija

L-aħħar atteġġjament jirrikjedi li wieħed ikun kapaċi jistenna t-tweġiba ta’ Alla, mingħajr ma jaġixxi malajr. Għax kif jgħid il-Malti, ‘il-qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel’. Qegħdin ngħixu u nintgħaġnu f’kultura ta’ l-instantanju, ta’ l-issa, ta’ l-immedjat, li tiffavorixxa l-għaġġla frenetika u ma tgħinniex nistennew. Ninsabu bbumbardjati kontinwament bi kliem bħal instant tea u instant coffee. Xi ħadd saħansitra azzarda jlaqqam is-soċjetà post-moderna bħala push button society fejn is-servizz li nkunu rridu nakkwistawh minnufih bl-għafsa ta' buttuna (slot machines, mobiles, gadgets, emails, touch sensitive screens, interactive whiteboards, eċċ.). Din it-tip ta’ kultura li ninsabu fiha bħal ħuta fl-ilma tista’ inkonxjament tixprunana biex fl-ambitu tal-fidi nfittxu riżultati immedjati u ma nittollerawx il-proċess twil u eżiġenti tad-dixxerniment spiritwali. Fil-parabbola tal-qamħ u s-sikrana, il-qaddejja, f’telfa ta’ paniku u għaġġla, riedu bħallikieku jeliminaw is-sikrana minnufih. Iżda sid il-għalqa qalilhom: “Le, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad” (Mt 13:29-30). B’dan il-parir ipperswadihom li biex jaslu jiddixxernu sewwa bejn il-qamħ u s-sikrana kellhom jitgħallmu jistennew il-waqt it-tajjeb - żmien il-ħsad. San Franġisk kien espert f’dan l-atteġġjament ta’ stennija, ta’ sahra, sakemm jagħraf sewwa Alla x’ried minnu. Meta ħassu maqsum fi ħsibijietu minħabba d-dilemma li semmejna iktar ‘il fuq, Franġisku ma wasalx għas-soluzzjoni f’ħakka t’għajn. Talab dwarha waħdu għal tul ta’ żmien. Xtarrha ma’ ħutu l-patrijiet għal ħafna jiem. U bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, talab tliet persuni biex ifittxu miegħu r-Rieda tal-Mulej dwar id-dubju li kellu. Kien kapaċi jistenna fuq li jistenna sa ma jasal jagħraf “b’ċertezza liema triq għandu jagħżel, triq li tabilħaqq tkun togħġob l-aktar lil Kristu.”[1]

[1] San Bonaventura, Il-Leġġenda Maġġuri, kap 12.  

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com