X'qed jagħmlu l-Konventwali fi Sri Lanka u l-Indja? 

Jiktbilna Fr. Colin Sammut OFM Conv

 

Għeżież,

Is-sliem u l-barka.

Ħsiebna li naqsmu magħkom ftit mill-mumenti sbieħ li ftit tal-ġimgħat ilu għexna, P. Ugolin, P. Stephen, Mr.Charles Fenech u jien ġewwa l-missjoni tagħna fi Sri Lanka. 

Wasalna Jaffna

Wara vjaġġ twil ħafna, wasalna Jaffna. Belt fit-tramuntana ta’ Sri Lanka. Hija ukoll il- belt li rat l-għeqqel tal-gwerra ċivili fi Sri Lanka. Belt imkissra u maqsuma mill-ideoloġiji tal-bnedmin, illi bħal dejjem iwasslu aktar għall-mewt milli għall-ħajja.

Minn Malta għall-hawn il-vjaġġ ħadilna kważi 48 siegħa. Ġejjna hawnhekk, biex inbierku u niftħu l-kulleġġ tagħna f’Jaffna. Dan il-proġett ġie iffinanzjat kollhu kemm hu minn benefatturi Maltin u l-ħidma tagħna bħala Uffiċċju Missjunarju Provinċjali tal-Patrijiet Minuri Konventwali. 

Il-patrijiet akkwistaw l-art fl-aħħar tas-sena 2017, f’Jannar tas-sena 2018, berikna l- ewwel ġebla, fit-3 ta Lulju 2018, beda x xogħol u ftit iktar minn sena wara, għall-grazzja t’Alla biss, erġajna ġejna biex ninawguraw din l-opra tant sabiħa u nobbli. Il patrijiet għażlu propju din il-belt għall-ħidma tagħhom, sabiex il-kulleġġ ikun sinjal qawwi ta’ għaqda bejn il-popli li sa ftit illu kienu f’kunflitt aħrax li ħalla eluf u eluf ta’ imwiet. 

It-tlestija ta’ dan il-proġett lilna jgħidilna kemm aħna imdawrin b’nies ġenerużi, illi jirrispondu għas-sejħa biex jagħmlu l-ġid u jagħtu s- sehem tagħhom ħalli flimkien inkomplu nibnu s Saltna t Alla fuq din l-art.

Għal darb oħra rajna lil Alla l-Imbierek jimxi qabilna biex jiftaħ it toroq u jipprovdi l-mezzi, sabiex din l-opra isseħħ. It triq ma kienetx faċli, għaliex fl-istess ħin komplejna naħdmu qatigħ għall-opra missjunarja prinċipali tal-provincja, li hija l-missjoni ta’ Kalcutta.

Nghidulkom dan mhux bi ftaħir iżda b umiltà, u b’ringrazzjament għaliex dan kollu seħħ ukoll b’għajnuna u l-fiduċja tagħkom fina. Inkomplu naħdmu u nitolbu għall-missjonijiet li Alla l-imbierek għoġbu jafdalna. Għall-glorja t’Alla u t-tifħir ta’ San Franġisk!

It-Tberik tas-Seminarju

Il-Ħadd, 28 ta Lulju sar it-tberik ta' tas-Seminarju, "Ave Maria Friary".

Il-ġurnata kienet mimlija daqs bajda bl-aħħar preparamenti li ridna nagħmlu qabel iċ- ċerimonja tal-ftuħ. Sa minn filgħodu kmieni bdew ġejjin in-nies, min iġib xi ħaġa miegħu għal okkażjoni, min ġie biex jarma, min ġab l-ikel, ġew ukoll xi sorijiet biex jarmaw  il-kappella.

F’kemm trodd salib, ġa kienu saru it-3.30pm. Il-kappella u l-kunvent imtlew bin-nies. Kien hemm numru kbir ta’ saċerdoti djocesani u reliġjużi li jaħdmu fid djoċesi.

Naturalment kien hemm ukoll numru ikbar ta’sorijiet ta’ kull kongregazzjoni. B’ kollox konna aktar minn 200 ruħ għal din l-okkażjoni. Fl 3.55pm wasal l-Isqof ta’ Jaffna, Justin u bdejna minnufih.

Iċ-ċelebrazzjoni, kienet sempliċi ħafna imma, suggestiva. L-isqof, wera’ apprezzament kbir lejn l-Ordni li ħadet dan il-pass u daħlet fid-djoċesi tiegħu permezz ta’ dan is-seminarju u irringrazzja b’mod partikolari lill-Provinċja tagħna illi emmnet bis-sħiħ f’dan il-proġett u investit fih. Naturalment, hu kuntent ħafna li issa d- djoċesi tiegħu qegħda tgawdi ukoll mill-kariżma Franġiskana tagħna. L-isqof stqarr li issa jixtieq li l preżenza tagħna hemmhekk tkompli tiżviluppa f’ministeri oħra, partikularment f’ċentru ta’spiritwalita Franġiskana għas-servizz tal-kleru djoċesan.  Skond l-isqof, il-kariżma tagħna għandna l-qawwa li tfejjaq u tirrikonċilja il-ħafna feriti, li l-kleru għadu iġorr f’qalbu 30 sena wara l-gwerra illi ġarrab.

It-Tnejn, 29 ta Lulju qbadna t triq lura għal Dalupotha, Negombo fejn jinsab il-kunvent ċentrali tal -missjoni fi Sri Lanka, u vjaġġ li kellu jieħu 8 sigħat, sarraf fi vjaġġ ta iktar minn 13 il-siegħa! Għall-glorja t’Alla u t-tifħir ta’ San Franġisk!

Wasalna l-Indja

Wasalna l-Indja u hawn kellna ħafna aktar ġiri u affarijiet x’nagħmlu milli fi Sri Lanka u m’ hemmx xi ngħidu li d-distanzi hawnhekk huma ħafna itwal u vjaġġi twal li taħseb li mhu sa jispiċċaw qatt. 

Bdejna minn Karakutty, Kerela, mill-kurja provincjali. Kelna xi laqgħat mal provincjal, p Leo dwar il-missjoni tan- North East tal-Indja u l-proposti li għandna għal din il-missjoni.

Minn Karakutty, P. Stephen u Mr. Charles Fenech, marru fl-isptar tal-AIDS, Assisi Snehalaya, f’Tamil Nadu, biex jagħmlu follow up tal-proġett li s-Sur Anselmo Bugeja u l-grupp tiegħu mission4changes għamlu hemmhekk fil-bidu ta’ din is-sena. Il-proġett jikkonsisti f’restawr tal-wards u l-ambjenti fejn jgħixu l-pazjenti, flimkien mal- installazzjoni ta’diversi tined tal-ħadid fuq il-bjut tal-isptar, biex jibda jinġabar l-ilma tax- xita u inaqqsu l-ħsara kbira li l-istess xita kienet tagħmel lill-bjut. L-ewwel fażi tal-proġett hija lesta, issa immis it-tieni, li tikkonsisti li jitranġa l-bir u b’hekk ikun hemm ħażna akbar ta’ ilma.

Kollha kemm aħna tlaqna għal Calcutta, l-ewwel kunvent tal-missjoni tagħna fit- tramuntana tal-Indja. Għamilna diversi laqgħat bejnietna u idduskutejna aktar ‘il proposti u l-proġetti għal din il-missjoni. 

Din iż-żona hija zona partikulari ħafna fl-Indja, li sa ftit snin ilu kien hemm restrizzjonijiet kbar biex wieħed jidħol hemm. Fin-North East hemm seba stati, li għalkemm huma parti mill-Indja, huma kompletament differenti mill-Indja kif nafu u smajna ħafna dwarha. Id-differenzi jinħassu l-iktar fil-kulturi, il-lingwi u t-twemmin. L-evangelizzazjoni bdiet ghal ħabta tal-1922 mis-Salezjani ta’ Don Bosco. Fl-1932, twaqqfet l-ewwel djoċesi, dik ta’ Shillong u din kienet tiġbor is-seba stati kollha. Illum in-NE kollu huwa maqsum fi 15 -il djoċesi, u baqa’ fejn jinqasmu aktar, għaliex id-distanzi għadhom xorta kbar ħafna. 

Insomma, l-ewwel waqfa tagħna kienet f’ Shillong, il-kapitali tal-istat ta’ Meghalaya. Għal dawn l-aħħar erba’ snin, f’Shillong, bagħtna 2 patrijiet jistudjaw għall-liċenzja fil- missjologija u 2 patrijiet studenti sabiex ilestu l-istudji tagħhom fit-teologia fill-kulleġġ tas-salezjani u issa jekk Alla jrid ser jiġu ordnati saċerdoti fl-aħħar ta’ din is-sena. Permezz ta dawn l istudenti, l-arċidjoċesi saret 'tafna' u aħna sirna nafu r realtà tagħha. Tifhmu, li fl-aktar realtà ekkleżjastika antika fin-NE, ħafna kongregazzjonijiet daħlu qabilna, u diġà hemm ħafna parroċċi u opri soċjali ta’ kull tip. Iżda, bi studju akkurat u dixxerniment flimkien mal-arċisqof, Domnic Jala, sibna ministeru li għadu ma ġiex żviluppat, dan hu ministeru mal-morda fl-isptarijiet ta’ Shillong li huma madwar 10. L- Arcisqof, apprezza ħafna din il-proposta u fil-ġimgħat li ġejjin sa jibgħatilna invit uffiċjali sabiex inkunu nistgħu nagħmlu t-talba lill-Ministru Generali.  M’ghandiex xi ngħidu li l-Arcisqof huwa ħafna kuntent bil-patrijiet tagħna, Abi u Vinay, li sakemm kien għadhom jistudjaw hemmhekk urew ħeġġa kbira għall-ħidma missjunarja fid-djoċesi tiegħu.

F’ Shillong iltqajna ma’ Br Carmelo Muscat, Sależjan li illu jgħix hemmhekk 66 sena. 

Minn Shillong tlaqna għad-Djoċesi ta’ Diphu, fl-istat ta’ Assam. Id-Djoċesi ta’ Diphu ilha mwaqqfa mill-1983 u għadha djoċesi żgħira ħafna, iżda mifruxa fuq medda ta’ 16,000Km2. Dan it-territorju kollhu huwa moqdi minn 90 saċerdot biss (djocesani u reliġjużi), li iservu f’ 26 parroċċa. Kull parroċċa għandha medja ta bejn 15 u 25, ċentru pastorali/ villaġġ. 

Fi Frar li għadda għamilna l-ewwel kuntatt mal-isqof tal-post Rev. Paul Mattakat, u minnufih stedina biex nagħmlu esperjenza hemmhekk. Żewġ patrijiet minn Calcutta, P. Francis Anthony u P. Sajesh, marru minnufih. F dawn ix-xhur, il-patrijiet tħarrġu fil lingwi u kulturi lokali u għamlu esperjenza qawwi missjunarja. Wara din l -esperjenza, l-Isqof Paul ukoll stedina u fetħilna beraħ il-bieb biex nidħlu uffiċjalment fid-djoċesi tiegħu. Huwa lest li jagħtina ċentru pastorali, xi siegħa l-bogħod mill-belt ta’ Diphu. F’ dan ic-ċentru ġà hemm skola, knisja żgħira u dar ċkejkna flimkien ma’ medda art kbira. Hu jistenna minna li dan iċ-ċentru inkomplu niżviluppawh ħalli meta jkun wasal iż żmien, issir parroċċa. 

Aħna irridu nippreżentaw dawn iż-żewġ proġetti lill-Ministru Ġenerali, għall-approvazzjoni tiegħu  sabiex il- missjoni tagħna tkompli tikber u fiż-żmien li ġej inkunu nistgħu niftħu żewġ preżenzi sinifikattivi oħra għall-akbar glorja t’Alla u s-Saltna tiegħu.

Din kienet il-ħidma tagħna f’dawn l-aħħar snin, u għall-grazzja t’Alla u bl-għajnuna u s-sapport tal-patrijiet u ta’ ħafna qlub ġenerużi maltin wasalna biex inħejju żewġt proġetti oħra.

Grazzi dejjem u ta’ kollox!

Għall-glorja t’Alla u t-tifħir ta’ San Franġisk!

 

 

Għafas fuq l-istampa għar-riflessjoni

fuq il-Vangelu tal-Ħadd 

 

 

 

 

  

Contatti

Animatur Vokazzjonali 79306338
hidmasejhafrangiskana@gmail.com